Ftehim bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u Komunità Malta se jwassal għal kampanja bl-isem ‘Learn, interact, Share’, li se tqajjem aktar għardien dwar id-dipendenzi. Din se tkun marbuta wkoll mal-Jum Dinji kontra l-Abbuż mid-Droga f’Ġunju li ġej, u se ssir b’investiment ta’ disgħin elf ewro.
Maħduma partikolarment għall-adolexxenti, il-kampanja l-ġdida se tappella wkoll biex il-poplu kollu jdur kontra kull tip ta’ vizzju jew dipenendza, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Alfred Grixti.
Huwa stqarr: “Għaliex l-istatistika u r-riċerka kollha turi li aktar ma’ tittardja l-età meta wieħed jibda jesperimenta fis-sustanzi, aktar huwa probabbli li ma jaqax fil-vizzju.”
Il-kampanja se titmexxa grazzi għal sit elettroniku u materjal diversifikat fuq il-midja soċjali u dik tradizzjonali.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fisser din il-kampanja bħala waħda innovattiv li nbniet u tfasslet fuq ir-riċerka maż-żgħażagħ infushom.
Huwa stqarr: “Il-kampanja hija mmirata biex negħlbu, innaqqsu u jekk nistgħu neradikaw id-dipendenzi. Se ngħinu u mhux niġġudikaw, u biex noħorġu jdejna u kulħadd ikun konxju tar-realtajiet li nistgħu negħlbu.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li filwaqt li l-Gvern jirrispetta d-dritt tal-għażla responsabbli u ħielsa tal-individwu, irid jeduka kontra d-dipendenzi, għaliex arir f’waqtu jista’ jsalva l-ħajjiet u jgħin meta bniedem ma jkunx jaf fejn għandu jirrikorri biex jgħix ħajja aħjar.
Huwa qal, “Tajjeb ikun hemm kampanji bħal dawn biex nevitaw li l-komunitajiet jidħlu fil-vizzji kultant koroh. Minn banda qed noħolqu l-ġid, dak qed inwassluh biex niffinanzjaw kampanja bħal din biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu kemm hu.”
Ritratti: MISW