In-nies qegħdin jgħixu aħjar milli kienu jgħixu fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista. Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervent telefoniku fuq ONE RADIO. Il-Prim Ministru ssostanzja dak li qal b’referenza għall-istatistika tax-xogħol fejn spjega kif fl-ewwel tliet snin tiegħu gvern Laburista ħoloq 20,000 impjieg. Iktar minn kemm ħolqot l-aħħar amministrazzjoni nazzjonalista f’leġislatura sħiħa.
“Dak li se jinħloq fis-sentejn li ġejjin huwa kollu mirbuħ meta mqabbel ma’ dak li ħoloq il-gvern ta’ qabel,” qal il-Prim Ministru li rrefera kif f’ġimgħa impenjattiva ħarġu wkoll riżultati tajba ħafna għall-qasam tat-turiżmu, fejn f’Mejju kien hemm żieda ta’ 10%.
Irrefera wkoll għar-riformi kbar li qed isiru fil-pajjiż. Fosthom ir-riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet u l-Liġi tal-Istandards li t-tnejn li huma kienu diskussi fil-Parlament fl-aħħar jiem.
Innota kif l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon qal li r-riforma proposta mill-gvern hija attentat serju biex jibdew dipartiment li tul is-snin kien sors ta’ diversi problemi.
Minn naħa l-oħra, qal li dwar l-istandards dan hu Gvern li jaġixxi. Differenti minn Oppożizzjoni li timxi skont kif jaqblilha. Reġa’ rrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar kif ħadem Chris Said meta kien Ministru u qal: “Chris Said ġie misjub li ndaħal fil-mod kif jitqassmu l-flus tal-kunsilli lokali. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien għamel plejtu fil-konfront ta’ persuni oħra u fil-każ ta’ Chris Said qed jagħżel li jemmen lil Chris Said u mhux lill-Awditur.”
Tenna kif Simon Busuttil jaqbeż biss għal dawk qrib tiegħu u hawn irrefera għal dak żvelat mill-gazzetta KullĦadd ta’ kif fin-Nadur l-aħwa Said kienu jagħtu xogħol lil xulxin b’fondi tal-Kunsill. “Sintomatiku ta’ min jitkellem dwar standards u ma jagħmel xejn,” qa il-Prim Ministru.