Matul l-2016, ir-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija rnexxielha tarresta 472 persuna, 20 minnhom identifikati bħala wanted fuq in-National Police System.
247 mill-arresti kienu dwar involviment fejn jidħol ġlied, 101 persuna kienu detenuti b’konnessjoni dwar involviment f’każi dwar droga, u 54 minn dawn l-arresti kienu kklassifikati bħala każi ta’ serq.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ, il-Ministru tkellem ukoll dwar ħidma oħra tal-membri tar-Rapid Intervention Unit, dik li matul l-2016 intervjenew f’madwar 18,150 każ jew sejħa ta’ assistenza.
L-aktar li jispikkaw huma n-numru ta’ vetturi u ta’ persuni mwaqqfa u mfittxija waqt roadblocks, hekk kif l-istatistika turi li fl-istess sena twaqqfu 10,689 vettura u ġew imfittxija 754 persuna mill-RIU.
Statistika oħra turi li waqt patrol ta’ rutina fl-2016, membri tal-RIU rnexxielhom jintraċċaw erbatax-il karozza misruqa u 27 karozza oħra kklassifikata bħala wanted. Dan filwaqt li l-iskwadra tal-RIU ssejħet 606 darba dwar każi ta’ ġlied jew ta’ argumenti, bi 22 każ ikun dwar stabbings.
Apparti d-doveri tal-RIU, fosthom li toffri assistenza lid-distretti u lis-sezzjonijiet tal-Pulizija bl-aktar mod immedjat, taqdi wkoll funzjonijiet fil-qasam tal-Protezzjoni tal-VIPs u escort duties. Il-Ministru tkellem dwar l-irwol vitali li qed tilgħab l-RIU fil-laqgħat li qed isiru matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Malta, billi tipprovdi protezzjoni lill-VIPs.