Bħalissa fil-Kulleġġ tal-Arti, ix-Xjenza, u t-Teknoloġija, l-MCAST hemm madwar elf u tmien mitt student, li qed jagħmlu l-apprentistat, bħala parti mill-kors terzjarju tagħhom.
Dwar dan ONE News tkellem ma’ Dr Romina Borg, li hija d-Direttur tal-Apprentistat fl-MCAST. Hija qalet li l-apprentistat isir bħala parti mill-kors tal-istudenti.
Qalet, “L-apprentistat huwa parti mill-kors, allura kull student ikun mistenni jagħmel ammont ta’ sigħat fuq il-post tax-xogħol. Ovvjament, hemm qafas legali, huwa regolarizzat, kif l-istudent u meta l-istudent imur mal-industrija.”
Hija spjegat kif is-suġġetti fl-apprentistat ivarjaw. Fl-aħħar żmien, ngħidu aħna, reġa’ kien hemm interess fis-sengħa ta’ mastrudaxxa.
Dr Romina Borg tkellmet dwar kif l-apprentistat hu esperjenza importanti għall-istudenti, li anki jsibuh utli fis-CV tagħhom. Bl-apprentistat it-tranżizzjoni tal-istudenti tal-MCAST għad-dinja tax-xogħol tkun iżjed faċli, minħabba l-esperjenza li jkunu kisbu.
Id-Direttur tal-Apprentistat fl-MCAST qalet ukoll li fil-prospectus il-ġdid hemm korsijiet ġodda li jinkludu l-apprentistat ukoll. Fost dawn hemm dak li se jipprepara lill-istudenti biex jassistu fi kliniċi dentali, fost oħrajn.
Spjegat, “Kuntenti ħafna li, fil-prospectus il-ġdid, hemm korsijiet ġodda, li kollha għandhom xi tip ta’ work-based learning. Fil-fatt, l-MCAST timmira li kull kors ikollu xi tip ta’ esperjenza tal-prattika tal-istudent.”