L-ewwel ta’ Lulju.
Il-ġurnata fejn fiha erġajna smajna l-ħsejjes qawwija tal-ajruplani jgħaddu minn fuqna.
Għall-ewwel darba wara waqfa ta’ xhur, l-Air Malta operat l-ewwel titjira tagħha għat-turisti fost oħrajn, minn Ruma għal Malta.
Titjira minn totall ta’ ħdax li saru matul il-ġurnata u li permezz tagħhom u trasport ieħor bil-baħar, waslu f’pajjiżna mal-1,800 turist.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet waqt il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport għat-turisti fejn ġie spjegat ukoll kif sa tmiem il-ġimgħa ser ikunu qed joperaw 81 titjira.
“Bidu modest. Ħdax-il titjira llum, għaxra għada, 81 titjira sal-aħħar tal-ġimgħa. Illum biss se jkollna 1,800 passiġġier li jaslu f’pajjiżna, 500 minnhom li jkunu ġejjin bil-baħar u l-kumplament permezz tal-ajru.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri sostna l-importanza tal-attività turistika f’pajjiżna għall-ekonomija u b’hekk aċċenna għall-ħidma kbira ta’ kordinazzjoni bi preparazzjoni għal din il-ġurnata tant importanti.
Il-Ministru Schembri spjega wkoll kif il-previżjonijiet bħalissa juru li n-numru ta’ turisti li ser ikunu qed jaslu f’pajjiżna fiż-żmien li ġej ser jiżboq bil-kbir il-miri tal-Gvern.
“Illum il-ġurnata bdejna nilqgħu f’djarna l-ewwel eluf ta’ turisti. Għandna t-targets li ssetjajnihom. In-numri li għandna huma nkoraġġanti ħafna fil-verita qed jabżu dawk it-targets li ssettjajna u allura fiduċjuż, kuraġġuż u nħares ‘il quddiem sabiex kemm jista’ jkun din l-attività ekonomika terġa’ tirpilja bis-saħħa.”