S’issa aktar minn 1,800 first-time buyer li xtraw proprjetà s-sena l-oħra applikaw għall-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, fejn ħabbar ukoll li minn Ġunju li ġej, dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà s-sena l-oħra, se jkunu qegħdin jirċievu l-ewwel pagament ta’ €1,000 fis-sena għall-għaxar snin li ġejjin.
Il-Ministru Roderick Galdes fakkar kif permezz ta’ din l-għotja, aktar minn 2,800 first-time buyer li fl-2022 saru sidien ta’ darhom, f’Ġunju li għadda, diġà rċivew l-ewwel pagament ta’ €1,000 fuq 10 snin u li din is-sena se jirċievu t-tieni pagament minn għaxra.
Il-Ministru enfasizza li din l-għotja, li tagħmel parti mil-lista twila ta’ skemi li tamministra l-Awtorità tad-Djar, hi investiment dirett fil-familji u ż-żgħażagħ.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, qal li l-Awtorità kommessa li tibqa’ tinvesti fl-aspirazzjoni taż-żgħażagħ Maltin – dik li jsiru sidien ta’ darhom.
Dawk il-first-time buyers li daħlu fis-settur tal-proprjetà għall-ewwel darba s-sena l-oħra u li għadhom ma applikawx għal din l-għotja għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-aħħar ta’ April fuq is-sit tal-Awtorità tad-Djar.