180 student u studenta temmew b’suċċess il-korsijiet rispettivi tagħhom tal-Programm Edukattiv Alternattiv (ALP).
Fiċ-ċerimonja, il-Ministru Bartolo qal li l-programm tal-ALP qed iħalli l-frott u l-istudenti qed jirċievu taħriġ vokazzjonali f’diversi suġġetti bħal: inġinerija, welding, ħarsien tat-tfal u tal-anzjani, hairdressing, arti u media.
Il-programmi jipprovdu opportunità alternattiva lill-istudenti biex jilħqu l-ħiliet tagħhom fit-tagħlim vokazzjonali li japplika fl-istess livell u kwalità ta’ programmi oħra. Fl-aħħar tal-kors, l-istudenti tal-ALP għandhom l-opportunità li jirreġistraw f’istituzzjonijiet postsekondarji bħall-MCAST kif ukoll l-ITS, jew ikomplu fid-dinja tax-xogħol.
L-iskop wara l-Programm Edukattiv Alternattiv hu li jiżviluppa l-ħiliet tat-tfal – li għandhom ħiliet differenti u lesti jitgħallmu b’modi differenti, spjega l-Ministru. Minflok noqogħdu ngħidu li hemm tfal li mhumiex tajbin għall-iskola, irridu nagħmlu skejjel tajbin għat-tfal u nippruvaw nilħquhom b’mod differenti.
L-istudenti kellhom taħriġ f’oqsma differenti kif ukoll fuq il-post tax-xogħol b’mod prattiku biex jiksbu esperjenza li ma tiġix mgħallma fil-klassi. Barra minn hekk l-istudenti kienu jattendu għal-lezzjonijiet akkademiċi bħall-matematika, bħal-lingwi (Malti u Ingliż), biex jikkumplimentaw it-taħriġ tagħhom.
26 student ħadu sehem fi proġetti ta’ Erasmus +, u akkwistaw esperjenza siewja u pożittiva barra minn xtutna. Dawn il-proġetti jikkumplimentaw il-ħtiġijiet tal-istudenti, filwaqt li jagħtu opportunità lill-istudenti, lill-għalliema u lill-ġenituri biex isaħħu l-ħiliet tagħhom, u jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi kreattivi ma’ dawk barranin.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ikkonkluda li l-workshops kollha fl-ALP qed jiġu aġġornati kontinwament b’tagħmir u b’għodda ġdida biex jibqgħu miżmuma tajjeb strutturalment. L-ALP – Alternative Learning Programme – tnieda fl-2013 bil-għan li joffri xi ħaġa differenti f’termini ta’ edukazzjoni vokazzjonali applikata lill-istudenti tas-sekondarja.
Il-programm baqa’ jikber matul is-snin u saħansitra twessgħu l-oqsma li jitħarrġu fihom l-istudenti, kif ukoll żdiedu n-numru ta’ suġġetti disponibbli. L-għan aħħari hu li l-programm jipprepara lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol permezz ta’ ħiliet rikjesti u prattiċi, filwaqt li jkun ta’ pedament għal dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu fl-istudji tagħhom.