Id-Direttorat għall-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali qed jitratta bejn mija u tletin u mija u tmenin rapport ta’ abbuż fuq tfal kull xahar.
Żvela dan ma’ ONE News id-Direttur tad-Direttorat Steve Libreri, fejn spjega l-ħidma delikata li jwettqu ta’ kuljum it-tim ta’ professjonisti li jaħdmu favur il-protezzjoni tat-tfal.
Fil-jiem tal-iskola, ir-rapporti imbagħad jisparaw ’il fuq.
Qal, “Għandek xhur fejn għandek l-iskola għaddejja ħa nimmarkaw aktar rapporti, pero bejn wieħed u ieħor iċ-child protection imiss bejn wieħed u ieħor 130-180 tifel u tifla fix-xahar.”
Libreri spjega t-tip ta’ rapporti li jidħlulhom dwar abbuż, fosthom it-traskurar tal-ulied mill-ġenituri.
Spjega, “Għandna numru għoljin ma’ rapporti li għandhom x’jaqsmu ma’ traskuraġni, numri għoljin ta’ rapporti li għandhom x’jaqsmu mal-abbuż fiżiku, numri għoli ta’ rapporti illi qed isiru mill-koppji li għaddejjin minn separazzjoni li jindikaw li l-parti l-oħra qed tagħmel xi ħaġa ħażina.”
Jekk l-investigazzjoni mid-direttorat turi li t-tfal mhumiex protetti taħt is-saqaf tal-ġenituri tagħhom, dawn tinstabilhom dar ta’ kura alternattiva, dar residenzjali jew familja għall-fostering.
Intant, l-edukaturi fl-iskejjel huma l-aktar nies li jwasslu rapporti ta’ abbużi mill-ġenituri għand id-direttorat, b’Steve Libreri jgħidilna kif dawn issa għandhom l-obbligu li jirrappurtaw kwalunkwe suspett.
Qal, “Is-settur edukattiv huwa wieħed mill-aktar involuti fil-protezzjoni tat-tfal, jiġifieri r-rapport mandatorju ilu jeżisti fil-liġi ta’ Malta minn Marzu ta’ din is-sena, iżda ilu jeżisti fil-policies tal-edukazzjoni mid-disgħinijiet, bi tletin sena esperjenza f’dan l-obbligu.”
Id-Direttur tal-Protezzjoni għat-Tfal żied jgħid li kemm il-darba jkollhom iwaqqgħu l-każ wara ftit jiem ta’ investigazzjoni, għax isibu li r-rapport li jidħlilhom ikun wieħed falz.
It-tim tal-professjonisti huwa magħmul minn Social Workers, ħaddiema li jiffukaw fuq il-psikoloġija, kriminoloġija, terapisti tal-familja u anke counsellors.
Minħabba li d-Direttorat jħabbat wiċċu ma’ każijiet ferm sensittivi, il-binja hija dejjem mgħassa minn uffiċjal tal-Pulizija.