S’issa aktar minn 180 ħanut ingħaqdu fl-inizjattiva ‘Bring Your Own Container’ (BOYC) tal-Ministeru għall-Ambjent u ta’ Circular Economy Malta. L-inizjattiva hi intiża biex tħeġġeġ lill-konsumaturi jagħżlu kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jixtru firxa wiesgħa ta’ prodotti, minn prodotti tax-xorb u ikel, deterġenti u kożmetiċi.
Dawn il-ħwienet li ngħaqdu f’din l-inizjattiva se joffru roħs, offerti esklussivi, prodotti b’xejn u inċentivi oħrajn meta l-klijenti jużaw il-kontenituri tagħhom waqt ix-xiri mill-ħwienet tagħhom.
Circular Economy Malta se żżur numru ta’ stabbilimenti rreġistrati fejn se tippreżenta rigali lill-klijenti li jagħmlu użu minn kontenituri li jerġgħu jintużaw għax-xiri tagħhom.
Fost il-ħwienet, li qed jipparteċipaw fl-inizjattiva, hemm kafetteriji, restoranti take-away, mini-markets u ħwienet tal-merċa. Circular Economy Malta qed tagħti lill-ħwienet, li qed jipparteċipaw, marka ta’ rikonoxximent biex jesponuha fil-ħanut tagħhom ħalli jiġi indikat l-impenn tagħhom li jnaqqsu l-iskart li jintuża darba biss u jħeġġu lill-klijenti jġibu l-kontenituri tagħhom stess.
Din l-inizjattiva tnediet mill-Ministru Miriam Dalli, li qalet li dan hu pass ieħor ’il quddiem fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-ekonomija ċirkolari.
“Iltqajt mas-sidien tal-ħwienet li diġà telqu din l-inizjattiva jew li se jibdewha dalwaqt u nemmen li għandna l-potenzjal li tkun inizjattiva li verament tagħmel id-differenza biex innaqqsu l-użu ta’ dak il-materjal li jintuża darba, bħal mhu l-plastik u anke materjal ieħor.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Circular Economy Malta, Jason Vella, innota li stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ġie ppubblikat is-sena l-oħra, wera li aktar minn tnejn u sittin fil-mija tan-nies f’pajjiżna qed jevitaw l-ippakkjar tal-plastik u minflok jagħżlu basktijiet u kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jmorru jixtru.
In-negozji interessati li jissieħbu fl-inizjattiva BOYC jistgħu jirreġistraw online fuq http://www.cemalta.gov.mt.
Il-konsumaturi jistgħu jfittxu l-eqreb ħwienet tagħhom li qed jipparteċipaw fuq il-mappa online fuq http://www.cemalta.gov.mt/bring-your-own-container-map/.