Rusanka Dimitrova Staneva ta’ 43 sena u Neli Ilieva ta’ 24 sena, żewġ turisti Bulgari, ingħataw sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs kull wieħed.
Dan wara li nstabu ħatja li wettqu għadd ta’ serqiet f’Malta bejn il-wieħed u tletin ta’ Mejju u l-ħamsa ta’ Ġunju.
Huma kienu akkużati li użaw il-credit card misruqa ta’ mara f’diversi okkażjonijiet biex serqu total ta’ ħames mitt ewro, u serqu wkoll il-portmoni tal-istess mara.
Apparti minn hekk, ġew akkużati wkoll li serqu l-portmoni ta’ mara oħra u kellhom il-ħsieb li jużaw il-credit card tagħha biex jisirqu l-flus.
Kienu akkużati wkoll li serqu l-portmoni, id-dokumenti u l-ġiżirana tat-tielet mara.
Il-Qorti semgħet kif il-pulizija, wara li rċeviet diversi rapporti ta’ serq fil-Belt, innutaw liż-żewġ akkużati deħlin f’ħanut, serqu portmoni u pruvaw jiġbdu l-flus minn credit card li kien hemm fih.
Wara li saret analiżi tal-filmati tas-CCTV, il-pulizija setgħu jaqbduhom, bil-Prosekuzzjoni temfasizza l-fatt li l-investigazzjoni kienet ta’ suċċess għax is-sidien tal-ħwienet ikkoperaw mal-pulizija billi tawhom aċċess għal filmati.
L-akkużati wieġbu ħatja, bid-difiża tappella għal ħniena fid-dawl li dan kien l-ewwel reat tagħhom.
Il-Maġistrat Joe Mifsud tahom sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs kull wieħed, li hija ferm inqas mis-sentenza massima permess bil-liġi, u sostna li filwaqt li kulħadd kien milqugħ f’Malta, dawn il-viżitaturi kellhom jobdu l-liġi.