Abdulsalam Ben Hamad residenti f’Bormla ġie mixli li fl-2018 seraq vann kif ukoll li ftit tal-jiem wara li kien inqabad u nżamm fil-kustodja tal-Pulizija, huwa ħarab mill-għassa filwaqt li hu ukoll riċediv.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella xehed pulizija li dakinhar waqt ronda fil-Marsa lemaħ lill-Ben Hamad li suppost kien fir-residenza tiegħu wara ordni mill-qorti. Kien hawn, li wara li r-raġel ġie arrestat ħarab mill-kustodja tal-pulizija bil-manetti b’kollox.
F’xhieda separata, rriżulta li l-istess akkużat seraq vann li kien viċin iċ-ċimiterju tat-Torok hekk kif is-sidien tal-vettura ħallew iċ-ċavetta fil-vann waqt li kienu qed iħottu xi fjuri.
Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat ordnat li l-akkużat jintbagħat 18-il xahar ħabs sabiex jkun jista’ jegħleb il-vizzju tad-droga dan filwaqt li hu mitlub iħallas €545 lill-vittmi.