Gabriele Moccia ta’ disgħa u tletin sena ngħata sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq disa’ mitt ewro, flimkien ma’ xi pakketti tas-sigaretti, minn ħanut tal-merċa.
Dan ir-reat seħħ f’Ottubru li għadda fi Triq il-Ħalel, San Pawl il-Baħar, għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija.
Meta deher għall-ewwel darba l-Qorti, l-imputat ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, iżda eventwalment ammetta dawn l-akkużi u anke li żamm mara kontra r-rieda tagħha u li kellu fil-pussess tiegħu sikkina.
Filmat li ġew elevati minn kameras tas-sigurtà, fl-inħawi ta’ fejn hemm il-ħanut, wasslu biex jiġi identifikat ir-raġel.
Wara li kkunsidrat l-kondotta tal-akkużat u nnutat il-fatt li li huwa kkopera mal-Pulizija, il-Qorti tatu sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs, multa ta’ ftit aktar minn mija u sittax-il ewro u ordnatlu wkoll li jrodd il-flus li seraq mill-ħanut, kif ukoll biex iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Mario Xiberras.