Christopher Schembri, ta’ 47 sena li joqgħod il-Ħamrun, ġie kkundannat 18-il xahar ħabs, wara li nstab ħati li fl-2005 għadda d-droga lil gwardjan tal-ħabs biex dan jgħaddiha lil priġunieri.
Ir-raġel, magħruf aħjar bħala r-Rambo, ġie mixli li ttraffika d-droga. Huwa ġie mixli wkoll li ftiehem ma’ persuni oħra biex jittraffika d-drogi.
Fil-Qorti ntqal li dakinhar tal-każ, il-gwardjani tal-ħabs għamlu tfittxija fuq il-kollega tagħhom Raymond Gerada u sabulu borża li kien fiha l-eroina.
Mal-Pulizija, Grech qal li kien ġie avviċinat mill-akkużat, li kien għaddielu borża tal-plastik u talbu jgħaddiha lil missier il-mara, li kien il-ħabs ukoll.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Schembri ċaħad li qatt għadda xi droga jew li ħa xi flus talli għamel dan.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat ikkunsidrat li matul is-snin Schembri kien instab ħati ta’ diversi reati, filwaqt li qieset ukoll li huwa għamel progress fil-ġieda kontra l-vizzju tad-droga.
Huwa ġie kkundannat 18-il xahar ħabs, filwaqt li ġie mmultat €1,500.