Fl-aħħar 24 siegħa, 18-il persuna oħra fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna, waqt li feġġew 39 każ minn fost 2,632 test.
Anzjana ta’ wieħed u disgħin sena, li kellha kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri, mietet waqt li kienet pożittiva għall-COVID-19.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa spjega li l-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-COVID-19 fis-sitta u għoxrin ta’ Awwissu u ddaħħlet l-isptar Mater Dei fis-sitta ta’ Settembru.
Hija mietet fl-Isptar Mater Dei tard il-Ħamis filgħaxija.
Intant, fl-aħħar sigħat, tmintax-il persuna oħra fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew disgħa u tletin każ minn fost elfejn, sitt mija u tnejn u tletin test.
Dan ifisser li aktar minn tmienja u disgħin fil-mija tat-testijiet li saru fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa ġew negattivi u ftit aktar minn wieħed mil-mija biss ġew pożittivi.
Bħalissa hemm żewġ persuni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, li qegħdin fuq il-ventilatur.
Fil-bulettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija simili ħafna ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra Ewropej.
“L-average ta’ dawn il-każijiet għandna li kellna peak u issa erġajna bdejna telgħin ’il fuq li huwa simili ħafna ta’ x’qed jiġri f’ħafna pajjiżi Ewropej ukoll.”
Numru ta’ każijiet f’din il-ġimgħa kienu membri tal-istess familji u kuntatti fuq il-post tax-xogħol.
Spjegat kif f’Għawdex bħalissa hemm għoxrin każ attiv.
Il-Professur Gauci saħqet li bħalma qed tenfasizza l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-użu tal-maskri huwa importanti ħafna kull meta persuna toħroġ minn darha għax l-evidenza sa issa qed turi li l-ilbies tal-maskri jnaqqas il-firxa tal-virus.
Kellha wkoll messaġġ importanti għall-qraba u ħbieb ta’ dawk pożittivi għall-virus.
“Jekk inti għandek persuna ġo dar li huwa pożittiv, importanti li ħadd ma jmur iktar fid-dar għaliex ġieli kellna ċirkostanzi fejn ikun hemm nies li jmorru biex jgħinuhom però hemmhekk tkun qed tesponi r-riskju.”
Intant, il-lista oranġjo għall-ġimgħa li ġejja se tibqa’ l-istess hekk kif is-sitwazzjoni baqgħet stabbli fil-pajjiżi li jinsabu fil-lista bħalissa, jiġifieri r-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, it-Tuneżija, u xi reġjuni fi Spanja u fi Franza.