Bħalissa diversi stati fl-Amerika fin-naħa tal-Punent ċentrali u n-Nofsinhar qed isofru minn maltemp aħrax b’xita qawwija, għargħar u riħ qawwi.
Hekk kif ix-xmajjar faru, żdied ħafna l-għargħar fl-istati affetwati b’theddida kbira għall-komunitajiet li diġà sofrew ħafna danni bix-xita kontinwa u r-riħ u bil-konsegwenza li mietu mill-anqas tmintax-il persuna.
Għalkemm ix-xita qabdet tnaqqas f’ċertu lokalitajiet l-aktar milquta ħażin f’Arkansas, Tennessee u Kentucky, il-livelli tal-ilma komplew jgħolew bi ħsara kbira fi djar u negozji u toroq mgħarrqa kompletament.
L-uffiċju metereoloġiku indika li l-għargħar jaf ikompli jiżdied hekk kif ix-xita qalila qed tkompli taffetwa diversi stati.
It-18 irrappurtati mejta minn meta beda l-maltemp nhar l-Erbgħa jinkludu 10 individwi minn Tennessee. F’Kentucky tifel ta’ 9 snin inġarr mill-ilmijiet waqt li kien sejjer biex jirkeb il-vann tal-iskola filwaqt li f’Arkansas tifel ta’ 5 snin inqatel meta waqet siġra fuq id-dar tal-familja tiegħu u nqabad taħtha. Pumpier voluntier ta’ sittax-il sena minn Missouri tilef ħajtu f’inċident b’vettura meta kien qed jipprova jsalva l-ħajja ta’ xi nies maqbuda fil-maltemp.
Bassara tat-temp qed jattribwixxu dawn il-kundizzjonijiet severi lejn temperaturi aktar għolja min-normal, atmosfera instabbli, irjieħat qawwija u abbundanza ta’ umdità li waslet minn fuq il-Golf.