Tmintax-il kunsill lokali ffirmaw ftehim mad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni li se tassigura aktar indafa u relazzjoni aktar viċin bejn dawn l-entitajiet.
Dawn il-Kunsilli mhumiex l-ewwel grupp ta’ lokalitajiet li ffirmaw ftehim ta’ din ix-xorta, hekk kif aktar kmieni din is-sena, kienu madwar wieħed u tletin kunsill lokali ieħor li ffirmaw dan il-ftehim.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, Ramon Deguara sostna li dawn il-ftehimiet mhumiex għajnuniet iżolati, hekk kif mill-bidu ta’ din is-sena sa issa, il-kunsilli lokali gawdew minn miljun u erba mitt elf ewro f’għajnuniet marbuta mal-manutenzjoni u tindif.
Deguara stqarr: “Dan ikopri servizzi ta ġbir t’annimali mejta, ta’ rimi illegali tal-iskart u ovvjament ukoll ikopri servizzi addizzjonali li l-Kunsilli Lokali ma jistgħux joffruhom lill-kuntratturi tagħhom u għalhekk noffruhom aħna. Jiġifieri ġbir ta’ skart illegali bħal skart tal-kostruzzjoni, li dak jinġabar min-naħa tagħna wkoll.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Deo Debattista rringrazzja lill-Kunsilli Lokali u d-Diviżjoni, għax-xogħol imprezzabbli tagħhom, li anke waqt il-pandemija, dan żdied b’mod sinifikanti.
Huwa qal li xorta waħda fadal x’isir, b’mod speċjali fil-qasam tal-infurzar, b’hekk din tista’ twassal għall-bidla fil-kultura li hemm bżonn, biex pajjiżna verament iżomm l-indafa pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista sostna: “Sar ħafna xogħol, qed isir ħafna xogħol, imma għadu mhux biżżejjed. Nemmen li hemm bżonn ukoll id ta’ infurzar biex niggarantixxu li dan ix-xogħol kollu li qed isir nibqgħu ingawduh u mhux ikollna min jabbuża.”