18-il għaqda volontarja ffirmaw ftehim sabiex jirċievu total ta’ aktar minn €170,000 mill-fond ta’ ko-finanzjament għall-għaqdiet volontarji wara li applikaw b’suċċess għall-proġetti f’oqsma differenti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Dawn l-għaqdiet irċevew l-ewwel parti tas-somma għall-implimentazzjoni ta’ sbatax il-proġett b’valur ta’ kważi €98,000.
Erbgħa għaqiet li temmew ħames proġetti ngħataw it-tieni parti tas-somma li b’kollox tammonta għal kważi €21,000.
Riżultat ta’ dan, 18-il għaqda volontarja ħadu bejniethom kważi €110,000 biex ikopru l-ko-finanzjament ta’ 22 proġett li kisbu fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jgħin lis-settur volontarju biex iwettaq aktar ġid fis-soċjetà.
L-Onor. Grima stqarr: “Nedejna din l-iskema fejn għandek numru ta’ proġetti li permezz ta’ din l-għajnuna finanzjarja li qed tingħata mill-Gvern jistgħu ikollhom aċċess għal fondi akbar fuq livell Ewropew. Proġetti li se jkunu qed jolqtu diversi proġetti tas-soċjetà tagħna huma proġetti li huma ta’ ġid kbir għal kull min imiss magħhom.”
B’dan il-fond, il-Gvern jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet biex ikopru parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha marbuta mal-proġetti tagħhom.