Tmintax-il entità, fosthom sitt kunsilli lokali u tnax-il organizzazzjoni volontarja ingħataw mitt elf ewro bejniethom.
Permezz ta’ dawn il-flus, l-entitajiet se jwettqu proġetti u inizjattivi mill-iskema tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità bit-tema “Libertà li Tgħix”.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, li spjegat li permezz ta’ dawn il-proġetti b’ideat konkreti, l-istrateġija se tibda tieħu l-ħajja.
“Kollha ħarġu b’ideat innovattivi ta’ kif l-istrateġija nazzjonali għal persuni b’diżabilità, huma jħossuhom parti minn dan il-proġett u ħarġu b’ideat tanġibbli ta’ kif il-belt jew raħal tagħhom tista’ tkun iktar inklussiva bil-proġett tagħhom.”
Wieħed mis-sitt kunsilli lokali huwa dak tar-Rabat, li se jkun qed juża dawn il-fondi biex jagħti saħħa lill-persuni b’diżabilità permezz ta’ vjaġġ u esebizzjoni ħajja u tanġibbli ta’ nies b’diżabilità.
Il-Viċi Sindku tar-Rabat Matthew Chetcuti qal kif dan huwa messaġġ pożittiv għall-inklużjoni.
“Permezz ta’ din l-iskema bħala Kunsill Lokali Rabat ħsibna li naqbdu numru ta’ persuni b’diżabilità mir-Rabat, biex huma jwasslu messaġġ pożittiv ta’ xi tfisser l-inklużjoni u ta’ xi tfisser il-ħajja normali ta’ persuni b’diżabilità.”
Il-ħames Kunsilli Lokali l-oħra huma dawk taż-Żurrieq, l-Imqabba, il-Gżira, San Ġiljan u ta’ Għajnsielem.
Fl-Imqabba pereżempju se ssir bandla li tkun aċċessibbli għal tfal b’abbiltajiet differenti.
Proġett ieħor hu dak ta’ Caritas Malta dwar l-epilessija, li flimkien ma’ trade unions ewlenin bħall-General Workers Union, l-UĦM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem se jagħmlu kampanja kontra l-istigma u għarfien dwar is-suġġett fuq il-postijiet tax-xogħol.