Għal bosta persuni li m’għandhomx il-passatemp tal-bini tal-mudelli, dan id-delizzju jista’ jidher bħala wieħed tedjanti, iżda għal dawk li jħobbu jqattgħu ħinhom jibnu dawn il-mudelli realistiċi, dan il-passatemp joffri rilassament liema bħalu.
Fl-ewwel jum tal-esebizzjoni mtella’ mill-Assoċċjazzjoni għall-Inġiniera tal-Mudelli, l-AME, ONE News tkellem ma’ uħud mid-dilettanti preżenti u ra b’għajnejh ir-riżultat ta’ sigħat twal ta’ ħidma fuq il-mudelli.
Hawn wieħed seta’ jara mijiet ta’ mudelli realistiċi, b’uħud minnhom jiċċaqalqu, u oħrajn statiċi, iżda kollha kemm huma magħmulin b’dedikazzjoni kbira.
Fost id-dilettanti kien hemm Horace Micallef, li tkellem magħna dwar wieħed mill-mudelli tiegħu, dak tal-USS Enterprise.
Huwa spjega s-sinifikanza ta’ dan il-vapur, li huwa l-ewwel vapur tat-tip aircraft carrier nukleari.
Meta imbagħad wieħed jitgħallem li dan il-mudell ġie mibni fuq medda ta’ sentejn, u Horace kien ilu jaħdem fuqu għal elf seba’ mija u ħamsa u tmenin siegħa, mhux ta’ b’xejn wieħed jistagħġeb bid-dettalji metikolużi li fih.
Huwa spjega li dan il-passatemp imur ‘lil hinn mis-sodisfazzjon li wieħed iħoss meta jlesti mudell.
“Aħna ngħidulu passatemp tal-paċi l-iscale building għax dejjem waħdek, tirrilassa, qed tagħmel dak li tħobb, aħna nħeġġu li anke tfal żgħar jaqbdu dan il-passatemp. Huwa sodisfazzjon li tibni xi ħaġa, qed taraha lesta, ġibtu l-wirja, qed jammirawh in-nies ix-xogħol tiegħek, nitilgħu barra wkoll biex nikkompetu, tiltaqa’ ma’ nies u tagħmel ħbiberiji ma’ nies ġodda u hemm esperjenzi ġodda. Jien nirrakomandah ħafna.”
Intant, tkellem magħna wkoll Charles Mifsud, is-Segretarju tal-AME, li bl-istess mod, tkellem dwar dan id-delizzju b’passjoni.
“Jien naħseb li dan huwa forma ta’ terapija. Kuħadd jgħaddi minn tensjonijiet tax-xogħol, kulħadd jiġi għajjien mix-xogħol jew minn x’ikun qed jagħmel. Illum nitkellmu ħafna fuq problemi mediċi, mentali jew affarjiet oħra, niggarantilkom li aħna l-membri li għandna dal-passatemp, taħsbux li għandna problemi mentali, imma meta tibda tibni u tiddedika aktar ruħek fuq mudell biex tlestih u tlestih sew, l-ammont ta’ ħin li tieħu biex tagħmlu sew, toħroġ raġel ġdid.”
L-esebizzjoni hija bla ħlas, u se tkun qed tittella’ sas-sitta ta’ Novembru fis-Sala tal-Middle School tal-Kulleġġ San Gorg Preca, il-Blata l-Bajda.