Il-Prim Ministru Malti kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Finlandja Juha Sipilä fir-residenza uffiċjali tiegħu f’Helsinki.
Iż-żewġ Prim Ministri ddiskutew primarjament il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn il-Prim Ministru Malti spjega l-prijoritajiet ta’ Malta. Huwa qal li minkejja ġejjin minn estremi ġeografiċi fl-Ewropa, iċ-ċokon taż-żewġ pajjiżi joffri kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet. Kemm Malta u l-Finlandja huma pajjiżi li s-sehem tagħhom u l-vuċi tagħhom huma b’saħħithom.
Joseph Muscat u Juha Sipilä tkellmu wkoll dwar Brexit u l-effetti tad-deċiżjoni tar-Renju Unit fuq l-Unjoni Ewropea. Kien hemm qbil fuq il-fatt li r-Renju Unit għandu jkollu relazzjoni mal-Unjoni Ewropea bħala pajjiż terz, iżda b’kundizzjonijiet li jkunu tajbin għax dan ikun jaqbel għal kulħadd.
Ġew diskussi numru ta’ oqsma ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu. Jakkumpanja lill-Prim Ministru waqt din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella.