Larry Nassar, it-tabib li f’dawn l-aħħar jiem tressqu akkużi ta’ abbuż sesswali minn aktar minn 100 mara, ngħata sentenza ta’ bejn 40 u 175 sena ħabs wara li nstab ħati, bil-Maġistrat Rosemarie Aquilina fl-awla tal-Qorti fl-Istati Uniti tgħidlu li qed tiffirmalu s-sentenza tal-mewt. Fejn apparti minn hekk, hu jrid jiskonta 60 sena ħabs oħra wara li nstab ħati li kien fil-pussess ta’ pornografija ta’ tfal f’każ preċedenti.
Tfajla wara oħra, armati b’karta quddiemom b’memorji xokkanti ta’ abbuż sesswali ressqu quddiem il-Maġistrat tul dawn l-aħħar sebat ijiem jakkużaw lit-tabib tat-tim tal-ġinnastika Amerikan, Dr. Lawrence G. Nassar, li abbużahom meta kienu taħt il-kura tiegħu.
Il-Maġistrat spjegatlu kif hu ma ħaqqux joħroġ barra mill-ħabs u kif tħossha ppriviliġġata li ħarġet din is-sentenza, sentenza li qatt ma kellha bħala. Spjegatlu kif hu ma jistax ikompli jipprovdi l-kura fil-ħabs anke jekk għax qed jaħseb li qed jgħin fejn fakkritu li hu mhuwiex tabib u m’għandux liċenzja biex jipprovdi l-kura. Sostniet li l-aktar li tħossha ddiżgustata hi għax hu kien jaf li kellu problema, problema li seta’ jfittex l-għajnuna u l-kura għaliha iżda minflok għażel li jabbuża u jkompli jitma lill-ħażen.
Tul dawn is-sebat ijiem, f’awla tal-Qorti fl-Istati Uniti, nisa u tfajliet – bosta minnhom ġinnasti tal-Istati Uniti, b’oħrajn jirrakkontaw kif il-ħolm tagħhom sfaxxaw fix-xejn, spjegaw kif Nassar abbużahom meta kellhom bżonn il-kura wara li ndarbu waqt xi taħriġ. Huma aktar minn 100 mara u tfajla, li rrakkontaw episodji tul ħajjithom, b’uħud imorru lura meta kellhom biss tmien snin dwar kif kien jgħid lill-ġenituri tat-tfal li hemm bżonn li jwettaq proċedura biex itejjeb is-saħħa tat-tifla, meta fil-verita, kien ikun qed jabbużahom sesswalment.
Dr. Nassar ta’ 54 sena f’każ preċedenti ngħata sentenza ta’ 60 sena ħabs wara li nstab fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal.
Dan il-każ qed jitqies bħala wieħed xokkanti fid-dinja ta’ dan l-isport, dan hekk kif bosta mill-vittmi, bid-dmugħ f’għajnejhom waqt li jagħtu l-kumment tagħhom fil-Qorti, qalu li ma ħassewhomx ipproteġġuti bl-ebda mod u li ma sabu ebda appoġġ fejn setgħu jmorru għall-għajnuna.
Bosta mill-vittmi sostnew li dawn kienu episodji li baqgħu għaddejjin għal snin twal, b’omm ta’ tifla minnhom tibki u tolfoq filwaqt li tispjega kif bintha qatlet ruħha b’idejha kawża ta’ dak li għaddiet minnu.