Fl-aħħar sigħat 174 persuna fiequ mill-COVID-19 f’Malta u feġġew 185 każ fost 3,280 test li saru fl-aħħar 24 siegħa.
Dan ifisser li 94.4% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 5.6% ġew pożittivi.
S’issa fiċ-ċentri ta’ ttestjar saru 606,306 testijiet. Kemm ilu jingħata l-vaċċin kontra l-virus, Malta s’issa laqmet 24,680 persuna. Minn dawn, 2,518 kienu t-tieni doża tal-vaċċin.
Fl-aħħar 24 siegħa wkoll, tliet anzjani mietu waqt li kienu pożittivi għall-virus. Anzjan minnhom ta’ 85 sena. ieħor kellu 88 sena u anzjana ta’ 97 sena.
Dan tħabbar waqt il-bulettin mediku ta’ kull ġimgħa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Il-Professur Gauci spjegat li ladarba beda l-programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-COVID-19, l-awtortajiet ħasbu minn qabel biex dan ma jxekkel xejn l-ammont ta’ testijiet li jsiru għall-virus ta’ kuljum.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “Żidna ħafna nies kemm minn li kienu jaħdmu fis-Saħħa Pubblika imma mhux fejn jidħol mard infettiv li ngħaqdu mat-tim. Kellna wkoll diversi professjonisti oħra li għenuna f’diversi aspetti u għandna wkoll servizzi li qed jingħataw abbażi ta’ kuntratt.”
L-awtoritajiet għaddejjin tajjeb bil-programm tat-tilqim kontra l-COVID-19, u l-Professur Gauci fakkret kif mill-ġimgħa d-dieħla, dawk li għandhom bejn it-80 u l-84 sena wkoll se jibdew jirċievu l-invit biex jingħataw it-tilqima.
Magħhom hemm dawk l-anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, fejn dawn se jitlaqqmu fi djarhom stess.
Hawnhekk il-Professur Gauci appellat ukoll biex kulħadd iżomm mal-ħin u l-ġurnata stipulata biex jieħdu l-vaċċin.
Prof. Gauci sostniet: “Il-konkorrenza hija tajba ħafna u l-maġġoranza tan-nies wieġbu għall-invit li bagħtnilhom. Nirċievi anke rikjesti jiena mingħand persuni li jixtiequ jitlaqqmu issa, li hu kbir, imma rridu nistennew meta, skont l-istrateġija, aħna jkun imissna.”
Mill-Ġimgħa wkoll, bdiet tingħata t-tieni doża tal-vaċċin lir-residenti u l-ħaddiema fid-djar tal-anzjani, anke dawk privati.