Ir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar se jibdew igawdu minn spazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru, fl-ewwel fażi tal-proġett li wasslet għall-ftuħ tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa.
F’din l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, il-Park tal-Familja f’Bengħajsa qed joffri picnic area għall-familji daqs żewġ grawnds tal-futbol u l-familji jistgħu jirrikrejaw irwieħhom qalb 4,000 siġra.
Dan il-proġett ġie inawgurat it-Tlieta waranofsinhar f’konferenza tal-aħbarijiet ‘Inwettqu Flimkien’ u dan huwa t-tielet spazju aħdar li nfetaħ f’dawn l-aħħar xahrejn. Dan wara l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar u l-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali.
Dan il-park huwa miftuħ għall-familja kollha, fejn ġew installati bankijiet apposta magħmula minn materjal sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul spjega kif il-picnic area hija attrezzata b’bankijiet magħmula minn materjal sostenibbli. Matul il-passaġġ, ġew installati tabbelli b’informazzjoni relatata mat-tip ta’ siġar u arbuxelli differenti li hemm fil-park u l-karatteristiċi tagħhom.
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent Miriam Dalli qalet li l-investimenti li qed isiru fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna qed iħallu l-frott u minn żona li fil-passat kienet ikkunsidrata għal żvilupp ta’ miżbla, illum din ingħatat lill-familji.
Il-Ministru Dalli laqgħet il-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides, biex ikollhom ukoll spazju għall-attivitajiet tagħhom.
Ġie spjegat li dan l-ispazju pubbliku huwa aċċessibli għal kulħadd, hekk kif il-bankijiet tal-pikniks huma adattati biex persuni b’wheelchair jkollhom spazju wkoll mal-mejda.
Project Green se tkun responsabbli miż-żamma ta’ dan il-park.