Il-Gvern se joħroġ sejħa oħra għall-offerti sabiex jinbnew mill-ġdid mia u sebgħin triq residenzjali oħra f’bosta lokalitajiet madwar Malta.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha segwa l-aħħar xogħlijiet f’waħda mill-ewwel toroq li nbnew għall-ewwel darba f’Ħaż-Żabbar.
Huwa qal li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li beda x-xogħol fuq l-ewwel 31 triq residenzjali mill-ewwel sett ta’ 120 wara li sejħa simili għall-offerti kienet inħarġet is-sena l-oħra.
“120 triq li diġà huma kuntrattati, u llum ħriġna sejħa għal 170 oħra. 290 triq illi matul din is-sena se jibda u jitlesta x-xogħol fuqhom. Qed naraw li x-xogħol isir mal-pajjiż kollu, għandek lokalitajiet varji u ħafna minnhom huma toroq li qed isiru għall-ewwel darba. Toroq li quddiem ir-residenzi ma kellhomx triq iffurmata,” qal il-Ministru Borg.
Il-Ministru Borg spjega kif riżultat ta’ din is-sejħa l-ġdida għal 170 triq residenzjali maqsumin f’6 settijiet, r-residenti li jgħixu f’dawn it-toroq ser ikunu qed igawdu minn 52 kilometru ta’ toroq u minn 85 kilometru ta’ bankini b’valur ta’ 70 miljun ewro.
Spjega kif dan ix-xogħol jinkludi investiment fit-tibdil u l-estensjoni tas-servizzi fejn hemm bżonn, xogħol fuq bankini u sistemi ta’ ġbir tal-ilma, pedamenti, tarmak, u anke sinjali, sistemi tas-sigurtà u faċilitajiet oħra li jiżdiedu wara li t-triq tkun saret.
Hawnekk il-Ministru fakkar li l-kuntratturi li qegħdin idumu mingħajr raġuni valida qed jiġu immultati u xogħlijiet li ma jilħqux il-kwalità mixtieqa qegħdin jerġgħu jsiru għall-ispiża tal-kuntrattur.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal li bis-saħħa ta’ Infrastructure Malta qed jinbnew toroq li qabel il-kunsilli kien ikollhom idumu s-snin biex jirranġawhom. Fakkar ukoll kif aparti fiż-żieda ta’ fondi għall-Kunsilli Lokali din is-sena l-Gvern alloka wkoll mitt miljun ewro oħra li se jsaħħu l-infrastruttura lokali.
“Il-gvern din is-sena minkejja il-100 miljun li qed jippompja fil-lokalitajiet tagħna mhux qiegħed inaqqas jew naqqas lill-kunsilli lokali anzi ta żieda lill-kunsilli biex verament mill-kunsilli lokali nkunu nistgħu nagħmlu l-gvern lokali fil-lokalitajiet tagħna,” sostna Parnis.
Irrimarka li minn kemm ilu li beda dan ix-xogħol infrastrutturali r-residenti diġà qed jaraw bidla effettiva ħafna u r-rispons minn naħa tagħhom huwa wieħed pożittiv għall-aħħar.