Madwar 170 bidwi min-naħa ta’ fuq ta’ Malta qed isaqqu r-raba’ tagħhom b’ilma msoffi mill-impjant għat-trattament tad-drenaġġ taċ-Ċumnija, il-Mellieħa.
L-ewwel 2,500 metru kubu fis-sena ta’ ilma trattat qed jingħata b’xejn lill-bdiewa għall-użu fl-agrikoltura. L-ilma trattat hu ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jintuża b’mod sigur għall-irrigazzjoni, għal landscaping, u għal ċerti tipi ta’ industrija.
Dan wara li fix-xhur li għaddew il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) inawgurat proġett li permezz tiegħu, l-ilma trattat li kien jintefa’ fil-baħar beda jkun polished u użat għall-agrikolatura u għall-industrija – proġett li sar b’investiment ta’ 20 miljun ewro f’infrastruttura u 22 miljun ewro f’impjanti.
Taċ-Ċumnija (il-Mellieħa) hu l-ewwel impjant minn tlieta li fih sar dan l-investiment. L-ilma jasal għand il-bdiewa permezz ta’ pipeline sa Binġemma, imbagħad hemm diversi postijiet minn fejn il-bdiewa jistgħu jieħdu l-ilma.
Waqt żjara li għamel lil numru ta’ bdiewa, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi ħabbar li t-tieni impjant fix-Xgħajra qed fi stadju ta’ ttestjar u meta jkun qed jaħdem ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq it-tielet impjant f’Għawdex.
Meta tkellem mal-bdiewa, huma qalu li llum il-ġurnata, permezz ta’ dan l-ilma, il-prodotti tagħhom huma ta’ kwalità aħjar u qed iżommu aktar. Min-naħa tiegħu l-Ministru qal li dan l-ilma, imsejjaħ ‘New Water’, hu sors alternattiv li jista’ jintuża b’serħan il-moħħ minflok l-ilma tal-pjan.
B’hekk il-Korporazzjoni se tkun qed tikkontribwixxi biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan biex il-pajjiż ikun jista’ jilħaq l-oġġettivi ambjentali rikjesti taħt il-Water Framework Directive tal-Unjoni Ewropea.