Se tinżamm pożizzjoni komuni fost 17-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea kontra aktar tnaqqis fil-fondi ta’ koeżjoni. Dan ġie deċiż waqt is-summit ‘Friends of Cohesion’, li tlaqqa’ f’Beja, il-Portugall.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-pajjiżi għandhom l-għan li tkun preżervata l-politika ta’ koeżjoni fil-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
“Qegħdin 17-il stat membru li qed naqblu fuq il-punt ta’ prinċipju li dawn il-fondi ma jonqsux. Filwaqt li għandek il-Presidenza u l-Kummissjoni Ewropea li jridu li jkun hemm tnaqqis fil-fondi allokati għall-koeżjoni, primarjament minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, dawn is-17-il pajjiż mhux jaqblu.” qal Dr Abela.
Dan fid-dawl tal-importanza ta’ dawn il-fondi biex jinċentivaw l-investiment, isostnu t-tkabbir ekonomiku u jkomplu jqarrbu l-livell ta’ għixien fis-27 stat membru lejn xulxin. Barra minn hekk, dawn il-fondi huma eżempji tanġibbli tal-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea għax jissarfu fi proġetti li jgawdu minnhom iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-pajjiżi qablu li se jibqgħu maqgħudin fuq din il-pożizzjoni komuni li deċiżjoni dwarha għandha tittieħed fl-20 ta’ dan ix-xahar, meta jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew fi Brussell.