Kien qisu lbieraħ meta l-preżentatur tant popolari u maħbub Joseph Chetcuti nieda l-ewwel programm tas-serje Arani Issa, u għaddew 17-il sena u Arani issa dejjem baqa’ jikber sakemm illum sar verament parti mill-kultura televiżiva Maltija bil-frazi ‘trid tara biex temmen’ tidwi fuq fomm kulhadd.
Din il-ġimgħa, Joseph Chetcuti ser jissokta b’din is-sensiela tant maħbuba mill-Maltin u Għawdxin u bla dubju ta’ xejn anke din is-sena, Arani Issa ser ikun mimli sorpriżi u emozzjonijiet li jħallu lilkom it-telespettaturi tant numerużi imwaħħla mat-televizjoni tagħkom.
Kellimna lil Joseph Chetcuti innifsu li qalilna b’għajnejn ta’ tifel imqareb u emozzjonat illi; ‘Din is-sena ser nerġgħu nirregalaw lit-telespettaturi tagħna r-reunions mal-ħbieb u l-familjari li jkunu ilhom ħafna ma jiltaqgħu. Reunions li dejjem ikunu mimlija emozzjonijiet. Hekk kif ser naraw fl-ewwel programm ta’ din is-17-il edizzjoni u niggarantielkom jien illi anke l-aktar qalb iebsa tirtgħab bl-emozzjonijiet li ser ngħixu f’din is-sensiela!”.
Joseph kompla jgħidilna li l-programm ser ikun wieħed veru mhux ta’ min jitilfu hekk kif waħda mill-istejjer ser tippremja tfajjel nieqes mid-dawl li għandu imħabba kbira lejn il-mużika u storja oħra tat-trasformazzjoni mill-isbaħ rokna sinonima ma’ Arani Issa u l-legat ta’ l-istess serje għal tul is-17-il sena ta’ xandir fit-televiżjoni lokali. F’din l-edizzjoni wkoll ser naraw spettaklu mill-isbaħ b’mużika live minn bosta kantanti stabbiliti filwaqt li Joseph Chetcuti ser ikollu wkoll rokna ħelwa fejn l-istess kantant/żeffien ser insiru nafuh aħjar, flimkien ma’ bosta kurżitajiet personali tiegħu!
F’din is-sensiela ma jonqsux il-premjijiet li jistgħu jintrebħu. Arani Issa din is-sena ser jirregala bosta premjijiet fosthom il-premju stilla; Cruise għal żewġ persuni, kollox imħallas grazzi għal SMS Mondial. Għalhekk is-Sibt li ġej titilfux l-ewwel edizzjoni ta’ din l-17- il sena għaliex fi kliem Joseph Chetcuti innifsu: ‘Int jistħoqqlok biss l-aħjar, għalhekk nirringrazzjak bil-quddiem li ser tagħżel l-Arani issa bħala l-programm favurit tieghek’