Tħabbar kif 17-il proġett li jkopru 7 oqsma differenti ta’ riċerka bbenefikaw minn madwar €4 miljun f’finanzjament permezz tal-programm nazzjonali FUSION, kif ukoll minn diversi programmi ta’ internazzjonalizzazzjoni.
Hekk kif dawn l-investimenti li qed isiru huma indikazzjoni ċara tal-impenn li għandu l-Gvern lejn il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, huwa mistenni li l-finanzjament ikompli jikber matul is-snin li ġejjin, b’żieda fil-budget tal-programm FUSION, minn €5 miljun għal €6.3 miljun fl-2025. Il-budget għall-iskemi ta’ internazzjonalizzazzjoni se jiżdied minn €1.6 miljun għal €2.2 miljun.
Dan kollu tħabbar mill-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, waqt it-tieni edizzjoni tal-EXPO dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, avveniment li jenfasizza proġetti ta’ riċerka innovattivi ffinanzjati minn Xjenza Malta. L-EXPO tipprovdi pjattaforma għar-riċerkaturi fejn jippreżentaw ix-xogħol tagħhom, filwaqt li tħeġġeġ l-iskambju ta’ ideat, il-kollaborazzjoni, u tiċċelebra r-riżultati straordinarji miksuba sal-lum.
L-EXPO tinkludi wkoll preżentazzjonijiet dettaljati dwar il-proċessi ta’ riċerka, esibizzjonijiet ta’ prototipi, u diskussjonijiet dinamiċi ma’ koordinaturi tal-proġetti, akkademiċi, u imsieħba oħra mill-industrija privata u s-settur pubbliku. Id-diskussjonijiet ġew allinjati mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2023–2027, l-Istrateġija “Smart Specialisation” ta’ Malta 2021–2027, u l-Istrateġija tal-Ispazju ta’ Malta, li kollha kemm huma jindirizzaw oqsma ta’ prijorità għall-investiment fl-innovazzjoni u tkabbir futur.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjega kif l-EXPO wriet riżultati konkreti tal-investimenti f’dan il-qasam permezz ta’ soluzzjonijiet avvanzati, prototipi, u dimostrazzjonijiet żviluppati permezz ta’ proġetti ta’ Xjenza Malta. Semma wkoll kif taw ukoll diversi rikonoxximenti lil programmi li vverifikaw minn fondi tal-Gvern, fejn anke permezz tagħhom kien hemm aspetti nnovattivi marbuta ma’ diversi aspetti tal-ħajja tagħna, fosthom il-kura tal-kanċer.
“Bħala xjenza Malta qiegħdin nagħmlu dawn it-tip ta’ inizzjattivi illi juru b’mod ċar ħafna li r-riċerka m’hijiex xi ħaġa li għandha rwol biss fil-laboratorji tagħna, imma tista’ tagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq l-importanza ta’ dan l-avveniment biex jiġu enfasizzati l-isforzi ta’ Malta fir-riċerka u l-innovazzjoni. Semma kif is-sena li għaddiet kienet ħarġet il-possibilta’ li titwaqqaf fondazzjoni speċjalizzata għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-Kanċer, fejn sena mhux biss twaqqfet.
“Illum qassamna, wara li nħareġ programm lill-awardees u mhux hekk biss, il-baġit tas-sena d-dieħla se jkun id-doppju ta’ li kien dis-sena biex b’hekk għas-sena d-dieħla m’għandna xejn anqas minn €1.6 miljun.”