17-il Fekruna Komuni (Loggerhead turtles) faqqsu minn 18-il bajda ffertilizzata fil-Ġnejna. Din qed titqies bħala avveniment ta’ suċċess kbir hekk kif l-awtoritajiet qed ikomplu bil-ħidma tagħhom sabiex jiġu protetti dawn l-annimali li huma fil-periklu tal-estinzjoni.
B’kollox instabu 48 bajda li ġew spezzjonati minn vet fejn ġie konkluż li minn 30 bajda 18 minnhom kienu ffertilizzati.
Din hija t-tieni sit tal-bejta tal-fkieren ta’ dan l-istaġun. Il-ġimgħa l-oħra b’suċċess faqqsu 32 bajda tal-istess tip ta’ fekruna fir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex.
Fl-istqarrija, l-Awtorità għall-ambjent u r-riżorsi (ERA) irringrazzjat l-ħidma tal-volontiera tan-Nature Trust u volontiera oħra li osservaw il-passi li tħallew mill-fkieren waqt li kienu qed jiċċekjaw il-bajjiet kmieni filgħodu.
L-ERA xtaqet tirringrazzja lill-pubbliku ukoll għas-sapport u kooperazzjoni tagħhom. L-awtortià inkoraġixxiet l-individwi sabiex jirraportaw kwalunkwe każ fejn jaraw annimali selvaġġi f’diffikultà billi jċemplu fuq 9999 9505 jew 22923500.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit era.org.mt