17-il eks ħaddiem tat-tarzna ingħataw tlett elef ewro kull wieħed bħala kumpens ħabba li ġew esposti għall-asbestos.
Is-sbatax, li wħud minnhom diġà mietu, kienu fittxew lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Pubblika, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u l-Avukat Ġenerali fl-elfejn u ħmistax, fejn sostnew li kienu ġew esposti għall-materjal li jikkawża l-kanċer mingħajr il-prekawzjonijiet adegwati, minkejja l-fatt magħruf li l-asbestos jista’ jkollu effetti ħżiena fuq is-saħħa.
L-eks ħaddiema tat-tarzna talbu lill-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice tiddikjara li hekk kif kien hemm nuqqas ta’ sistema li tiżgura ambjent sigur fuq il-post tax-xogħol, u għaldaqstant li kien hemm ksur tad-drittijiet tagħhom.
Il-Qorti nnutat li l-ebda minn dawn l-eks ħaddiema ma kellu dijanjosi ta’ kanċer, imma ta’ kundizzjonijiet oħra inqas serji – filwaqt li d-difiża argumentat li ma kienx hemm evidenza li l-asbestos fuq il-post tax-xogħol kien l-unika kaġun tal-problemi ta’ saħħa tagħhom.
Il-Qorti qalet ukoll li kienet konvinta li l-eks ħaddiema kienu esposti għall-asbestos fiż-żmien tagħhom fit-tarzna, u li l-Gvern Malti kien jew kellu jaf, diġà mis-snin sebgħin, dwar il-ħsara li jikkawża l-asbestos.
Għaldaqstant ordnat li l-ħaddiema jingħataw kumpens ta’ tlett elef ewro kull wieħed.