Mindu l-Gvern daħħal is-servizz taċ-child care b’xejn, mas-16,800 tifel u tifla taħt l-età ta’ tliet snin attendew f’xi wieħed miċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal li ssieħbu fl-iskema tal-Gvern.
Minn dan is-servizz ibbenefikaw 21,000. Żvela dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-inawgurazzjoni tal-Lil’ Ville Childcare Centre fin-Naxxar.
Il-Prim Ministru qal li mindu daħlet fis-seħħ l-iskema erba’ snin ilu, il-Gvern nefaq €63 miljun
S’issa hemm 129 ċentru li daħlu f’din l-iskema u li 115 minnhom huma privati bħal dak li ġie inawgurat fin-Naxxar.
Iċ-ċentru inawgurat il-Ħamis filgħodu sar b’investiment ta’ nofs miljun ewro, u huwa l-ewwel minn sensiela ta’ Ċentri taħt l-istess isem. Christabelle Borg, is-sid taċ-Ċentru spjegat li ċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal joffru pedament tajjeb għall-iżvilupp edukattiv u soċjali tat-tfal waqt li joffru sostenn għall-familji u l-ommijiet li jaħdmu.
“Din hija brand li ħloqna kollox trademarked biex nieħduha fuq livell nazzjonali u anke nternazzjonali barra minn xtutna fis-snin li ġejjin”
Qalet li ċ-ċentru huwa uniku u tal-ewwel xorta tiegħu għax jiġbor fih villaġġ sħiħ sabiex it-tfal jibdew iħabbtu wiċċhom ma’ xi realtajiet tal-ħajja.
“Fejn it-tfal li jattendu qegħdin jgħixu ġo ambjent tipiku li għandna fis-soċjetà li għandna differenti, li kull kamra għandha xi ħaġa differenti li għandna fis-soċjetà. Għamilna karattru apposta għal dan iċ-‘Child Care’, għandna lil Benny Bunny, li jirrappreżenta nies differenti fis-soċjetà”.
Is-Sinjura Borg qalet li t-tfal fiċ-ċentru mhux se jkunu jistgħu jużaw apparat teknoloġiku:
“Xi ħaġa li nemmen li t-teknoloġija ġriet bina, u għalhekk tfal ta’ bejn 3 xhur u 3 snin tal-anqas, kemm idumu hawn ġew ma jkollom l-ebda teknoloġija dan sabiex ma jkollom l-ebda xkiel sabiex jilħqu l-abilità massima”.
Jakkumpanja lil Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li qal kif investiment bħal dan huwa importanti għal fatt li qed jieħu ħsieb it-tfal fl-ewwel elf jum tagħhom. Jiem li huma l-aktar kruċjali għall-iżilupp tat-tfal temm jgħid il-Ministru Bartolo.ż