Tliet snin wara li ngħata d-dritt tal-Unjoni Ċivili, huma 163 il-koppji omosesswali li daħlu f’ din it-tip ta’ unjoni. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li fakkret it-tielet anniversarju minn meta l-Parlament għadda din il-liġi f’ jum storiku li kien iċċelebrat bil-kbir fil-Belt Valletta. Ċelebrazzjonijiet bir-raġun għaliex mijjiet ta’ persuni ma baqgħux preġudikati u ingħataw id-dritt ugwali li jingħaqdu f’unjoni rikonoxxuta mil-liġi.
125 koppja daħlu f’ unjoni ċivili f’ Malta, 16-il koppja daħlu f’ unjoni ċivili barra minn Malta, li imbagħad kienet reġistrata f’ pajjiżna, filwaqt li tnejn u għoxrin koppja iżżewġu barra minn Malta u permezz tal-liġi dan hu rikonoxxut f’ Malta wkoll.
Id-drittijiet u l-obbligi t’ unjoni ċivili huma l-istess bħal dak ta’ żwieġ u għalhekk meta mistoqsija jekk il-gvern huwiex qed iħares lejn bidla fl-isem ta’ din ir-rabta legali- għal żwieġ, il-Ministru għad-drittijiet Ċivili Helena Dalli saħqet li kemm-il darba din tkun ir-rieda tal-gvern, ma jkunx hemm bidliet tanġibbli iżda tekniċi biss.
Dalli saħqet li l-ministeru qiegħed idur il-liġijiet preżenti biex ix-xogħol legali jkun lest. Fost l-elenku ta’ dak li seħħ tul dawn it-tlett snin, il-Ministru Helena Dalli semmiet li kien hemm koppja waħda omosesswali li għaddiet mill-proċess ta’ skrutinju biex tkun tista tadotta, u rnexxilha tadotta tifel b’ diżabilità.
Dan filwaqt li hemm ħames koppji oħra li temmew il-proċess tal-applikazzjoni b’ suċċess. Dalli għamlitha ċara li l-istess proċess, skrutinju, u tul japplika għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni.
Il-Ministru għad-Drittijiet Ċivili fakkret li meta wieħed iħares lura jara kif gruppi fis-soċjeta kienu minsija u eskluzi u d-dbatijiet tagħhom ma kienux rikonoxxuti, aħseb u ara mgħejuna, iżda issa bi sforz kontinwu ta’ dan il-gvern biex is-soċjeta tilqa’ lil kullħadd hawn mijjiet ta’ persuni li issa qed jingħataw id-dinjita li jixraq lil kulħadd.