Aktar minn sittax-il elf negozju f’pajjiżna se jkunu qed jibbenefikaw minn rifużjoni ta’ ħamsin fil-mija tal-kontijiet tad-dawl għan-negozji, tul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu Settembru.
Dan bħala parti mill-pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomiku li tħabbar mill-Prim Ministru fil-bidu ta’ Ġunju li għadda.
Din il-miżura se tkun qed tiswa ħamsa u tletin miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji Żgħar Silvio Schembri qal kif wara diskussjonijiet man-negozji ġie deċiż li tiżdied l-għajnuna massima għall-sebat’elef u ħames mitt ewro, flok dik imħabbra oriġinarjament, ta’ elf u ħames mitt ewro. Il-Ministru Schembri qal li għal din il-miżura se jkun hemm żewġ kriterji, skont in-numru ta’ ħwienet u n-numru ta’ impjegati.
Ġie spjegat kif dawk in-negozji li jħaddmu bejn ħaddiem u disa’ ħaddiema u għandhom negozju wieħed se jingħataw għajnuna ta’ elf u ħames mitt ewro.
Dawk li jħaddmu bejn għaxar u dsatax-il ħaddiem, b’żewġ arloġġi tal-kont tad-dawl se jingħataw għajnuna ta’ tliet elef ewro.
Dawk li jimpjegaw bejn għoxrin u disgħa u għoxrin ħaddiem, li għandhom tliet negozji se jingħataw sa għajnuna ta’ erbat’elef u ħames mitt ewro.
Dawk li jħaddmu bejn tletin u disgħa u tletin ħaddiem, li għandhom erba’ negozji se jingħataw għajnuna ta’ sitt elef ewro.
Filwaqt li dawk li jħaddmu aktar minn erbgħin ħaddiem u għandhom ħames negozji se jingħataw sa għajnuna massima ta’ sebat elef u ħames mitt ewro.
NUMRU TA’ IMPJEGATI | NEGOZJU | RIFUŻJONI |
1 – 9 | 1 | €1,500 |
10 – 19 | 2 | €3,000 |
20 – 29 | 3 | €4,500 |
30 – 39 | 4 | €6,000 |
40 U AKTAR | 5 | €7,500 |
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal kif din hija spalla għan-negozji, sabiex ikomplu jassiguraw l-impjiegi tal-Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Il-Gvern qiegħed hemm ta’ spalla għan-negozji, ħalli b’hekk inkomplu nassiguraw il-ħaddiema li jkollhom l-impjieġ tagħhom assigurat u nkomplu nkabbru t-tkabbir ekonomiku li kemm jista jkun negħlbu din l-isfida kemm jista jkun malajr.”
Ġie spjegat kif dawk in-negozji eleġibbli għal din ir-rifużjoni fil-kont tad-dawl huma dawk in-negozji li rċievew l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif mill-bidu ta’ Settembru, in-negozji se jirċievu email biex imbagħad japplikaw b’mod online.
Waqt li jimlew din l-applikazzjoni, in-negozji jridu jdaħħlu erba’ affarijiet fosthom in-numru tal-kont u verifikazzjoni tan-numru tal-kont
“Aħna bħala Malta Enterprise through b’sistema awtomatizata tal-Covid Supplement, nafu d-dettalji tal-kontijiet tal-bankjari ta’ kull business li applikat u allura għaddietilna d-dettalji tal-kont bankarju tagħhom, aħna nkunu qed nirċievu l-kont u nagħtu sa 50 fil-mija ta’ dak il-kont f’rifużjoni direttament fil-kont tal-bank ta’ dak in-negozju.” Saħaq Farrugia.
Intant dwar il-vouchers tal-mitt ewro, il-Ministru Schembri qal kif tqassmu sebgħa u disgħin fil-mija tal-vouchers u l-ġimgħa d-dieħla se jkunu qed jingħataw dettalji dwar dawn il-vouchers li stimulaw l-ekonomija u kienu t’għajnuna għan-negozji u l-familji.