Għargħar kbar fin-Nofsinhar ta’ Franza wasslu biex mal-elf u sitt mitt persuna – li l-parti l-kbira kienu qed jagħmlu camping – jiġu evakwati.F’din l-operazzjoni ta’ salvataġġ kienu involuti iktar minn 400 membru tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija, kif ukoll erba’ helikopters.
Skont l-aħħar rapporti, Ġermaniż ta’ sebgħin sena, li kien qed jgħin fis-superviżjoni ta’ xi tfal f’sit ta’ kampeġġ, baqa’ ma nstabx. Dan wara li prova jsib rifuġju fil-karavan tiegħu, li però tkaxkar mal-ilmijiet.
Bosta persuni oħra ttieħdu l-isptar bi ġrieħi minuri.
Il-maltempata li laqtet din iż-żona ta’ Franza kienet mistennija, għalkemm ħasdet lil bosta bil-qawwa tagħha.