Kien f’jum il-Milied ta’ mija u sittin sena ilu meta twieled Manwel Dimech. Huwa twieled f’kerrejja fejn kienu jgħixu disa’ familji, ħajt ma’ ħajt mal-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Manwel Dimech tgħammed dakinhar tal-Milied stess, tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt Valletta.
ONE News tkellem ma’ Parti Mark Montebello, li rriċerka dwar dak meqjus bħala l-ewwel soċjalist Malti u li nebbaħ ħafna riformi soċjali li llum nieħduhom ovvja.
Patri Mark spjega fejn twieled Manwel Dimech: “Ġo din il-kerrejja, ġo dawn id-disa’ kmarar li 4 qegħdin fuq in-naħa u oħrajn fuq wara, hemm taraġ dejjaq. Fihom kienu jgħixu aktar minn sittin ruħ, meta twieled Manwel Dimech. Dan nafuh mir-rekords li għandhom hawnhekk fil-parroċċa ta’ San Pawl.”
Montebello qal magħna kif aktar min-nofs dawn in-nies kienu tfal, fejn kienu jilagħbu f’dan it-taraġ, minn fejn tgħaddi l-purċissjoni tad-duluri u l-Ġimgħa l-Kbira.
Montebello spjega kif Dimech għex hawnhekk f’din il-kerrejja biss għal sitt snin.
Huwa qal: “Għex sitt snin minn ħajtu hawnhekk. Imbagħad kien hawn il-pesta, il-pesta li kien hawn f’Malta imma mbagħad kien il-pesta fil-Belt biss u missieru qabad u ġarr u marru ‘l fejn illum, il-knisja u l-istitut ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, li qabel kien parti minn Ħal Qormi.”
Patri Mark Montebello qal ma’ ONE News kif Dimech qatt ma attenda ġurnata waħda ta’ skola, iżda kiseb l-għerf u sar għalliem tal-lingwa meta kien il-ħabs. Dimech spiċċa l-ħabs wara li għamilha ma’ kumpanija ħażina, wara li ta’ 13-il sena tilef lill-missieru u hemmhekk beda jħoss il-faqar u l-inġustizji li kellu pajjiżna fis-seklu dsatax.
Huwa fisser: “L-ikbar kontribut kien tiegħu bħala għalliem kien għalliem tal-poplu biex jikseb drittijietu. Għalliem tal-ħaddiema biex jingħaqdu, għalliem tan-nisa biex jiksbu wkoll drittijithom. Dan huwa t-tagħlim kbir ta’ Manwel Dimech.”
Patri Mark Montebello qal magħna kif bħalissa għaddejjin diskussjonijiet sabiex din id-dar, fejn twieled u għex l-ewwel snin ta’ ħajtu tiġi ppriservata u tinfetaħ għall-pubbliku biex b’hekk jibqa’ jitfakkar Dimech, ir-raġel li ħabb lil Malti u lill-Maltin.