Mill-elfejn u dsatax sal-lum il-Gvern Malti għal mija u sittin darba intervjena u għen b’mod finanzjarju lill-pazjenti Għawdxin li fost l-oħrajn huma morda bil-kanċer u li kellhom imorru fl-isptarijiet f’Malta biex jieħdu l-kura tagħhom.
Fl-2019, il-Ministeru għal Għawdex ħallas għal tlieta u ħamsin darba biex persuni kellhom imorru Malta u jieħdu l-kimoterapija.
Fis-sena li faqqgħet il-pandemija, jiġifieri dik tal-elfejn u għoxrin, il-pazjenti u qrabathom ingħataw sussidju ta’ disat elef ewro.
Sa April ta’ din is-sena kien hemm erbgħa u għoxrin talba li ntlaqgħet biex pazjenti jiġu Malta b’xejn ħalli jirċievu l-kura meħtieġa.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal din l-iskema mhux biss tkopri t-traġitt, iżda wkoll jekk dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom ikollhom bżonn joqogħdu f’xi post ta’ akkomodazzjoni f’Malta, il-Gvern jgħin biex jittaffew l-ispejjeż.
Qal, “Hawnhekk qegħdin ngħinu lill-pazjenti Għawdxin kif ukoll lill-familji tagħhom, fejn il-Ministeru mhux biss jirrifondi issa t-traġitt tal-vapur biex wieħed jaqsam minn Malta għal Għawdex jew bil-kontra, iżda wkoll qed jagħti allowance kemm għall-pazjent kif ukoll għall-istess persuna li tkun qed takkumpanja dan il-pazjent sabiex ikunu jistgħu jirresjedu Malta fil-perjodu meta ikun hemm bżonn ikun viċin il-qarib tiegħu fl-isptar.”
Din l-għajnuna, li sservi ta’ spalla finanzjarja enormi għal dawn il-pazjenti Għawdxin, ġie introdotta mill-Gvern fil-budget tal-elfejn u dsatax.
Għal din l-iskema hemm intitolati wkoll pazjenti li jridu jagħmlu xi operazzjoni maġġuri f’Malta kif ukoll dawk li għandhom bżonn xi intervent b’rabta ma’ kundizzjoni fid-demm.