Is-sajf f’Għawdex se jkun mimli attività, kif jixhed il-programm ‘Summer in Gozo’, li fih hemm dettalji ta’ xejn inqas minn mija u sittin attività li se jiġu organizzati madwar il-lokalitajiet Għawdxin.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn ġie spjegat kif dawn l-attivitajiet se jaraw is-sehem ta’ artisti lokali u internazzjonali, u se jagħtu spinta ekonomika lil pajjiżna.
Il-Ministru Camilleri qal li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-pjazez fil-qalba tal-irħula Għawdxin se jitgawdew min-nies, b’mod partikolari għaliex se jkunu magħluqa għat-traffiku waqt il-jiem ta’ tmiem il-ġimgħa.
Dawn l-attivitajiet ivarjaw minn kunċerti, għal avvenimenti kommemorattivi, festivals, wirjiet u esebizzjonijiet.
Camilleri qal, “Qed inniedu programm fejn kważi kuljum, minn issa sal-aħħar ta’ Settembru ser jiġu organizzati diversi attivitajiet madwar Għawdex, sabiex inkomplu nattiraw aktar turiżmu lejn Għawdex, u b’turiżmu nifhmu dawk il-Maltin li se jkunu qed iqattgħu l-vaganzi tagħhom hawnhekk u kif ukoll it-turisti li rridu nagħtuhom esperjenza mill-isbaħ.”
Ġie spjegat ukoll kif fl-aħħar xhur saret ħidma ta’ reklamar barra minn xtutna, speċjalment fuq il-mezzi soċjali, sabiex Għawdex ikun l-għażla ta’ vaganza għal bosta turisti.
Il-programm tfassal mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan l-istess ministeru u l-attivitajiet kollha huma mingħajr ħlas.
Il-programm kollu ta’ attivitajiet jinsab fuq is-sit visitgozo.com.