Wara li l-Parlament fis-6 ta’ Lulju li għadda vvota favur emendi fil-liġi tal-IVF, twieldu jew daqt jitwieldu 16-il tarbija ġdida. Dan grazzi għall-emendi li daħlu fis-seħħ.
Emendi li deputati fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ivvutaw kontrihom.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt diskors parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun għall-2023.
“Mill-isperm donation diġà kellna 7 trabi li twieldu, 7 ħajjiet ġodda, 7 familji u għandna 9 trabi fit-triq. B’kollox 16-il ħajja ġdida grazzi għal din l-emenda, waħda minn ħafna li daħħalna u li sibna l-Oppożizzjoni dakinhar kontriha.”
Id-Deputat Prim Minstru fakkar ukoll kif l-emenda li tippermetti id-donazzjoni tal-isperma, kienet waħda kruċjali biex ittejjeb sostanzjalment ir-rata ta’ suċċess ta’ proċeduri IUI (intrauterine insemination) tal-IVF, li jwasslu għat-twelid ta’ aktar trabi u b’hekk aktar koppji jsiru ġenituri.
“Bl-isperm donation, ir-rata suċċess tal-IUI minn 2% titla’ għal 37%. Dan ifisser ħajjiet ġodda, trabi ġodda, ifisser familji ġodda. B’naqra emenda li daħħalna ifisser li għandna dawn il-ħajjiet kollha ġodda. Xi wħud li qegħdin hawnhekk f’din il-ħajja vvutaw kontriha.”
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne rrimarka li dawn l-emendi li daħlu fis-seħħ grazzi għal Gvern Laburista, għamluha possibbli biex aktar ġenituri japplikaw għall-proċess ta’ IVF. Dan jidher ċar anke meta wieħed iqabbel in-numru ta’ applikazzjonijiet li saru bejn is-sena 2021 u dik tal-2022.
“Ftit ġimgħat oħra, wara li l-ewwel kellna speċjalista, konsulent wieħed li qiegħed fis-servizz tal-IVF, umbagħad kellna t-tieni konsulent li qiegħed fis-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei, ftit tal-ġimgħat ħa jkollna wkoll it-tielet konsulent li ħa tkun qiegħda toffri s-servizz tal-IVF.
Apparti minn hekk id-Deputat Prim Ministru sostna li kien hemm ukoll investiment f’aktar apparat, laboratorji u spazji akbar biex jingħata dan is-servizz bl-aħjar mod possibli.
Intant, ħabbar ukoll li bħalissa b’kollox hemm 69 tabija oħra fit-triq u li daqt jitwieldu grazzi għall-proċessi tal-IVF f’pajjiżna.
“Nifraħ u ngħid li għandna wkoll bħalissa 69 tarbija oħra fit-triq, nisa tqal, li se jkunu qed jitwieldu fix-xhur li ġejjin.”
Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll li fi ftit ġimgħat mindu fl-2013 ġie elett Partit Laburista fil-Gvern u twaqqfet l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, minn dakinhar sal-lum twieldu 479 ħajja ġdida.