Agatha Barbara (1923-2002) kienet it-tielet President ta’ Malta, l-ewwel membru parlamentari mara, l-ewwel ministru mara, l-ewwel aġent-Priministru mara, u l-ewwel President mara. Imwielda Ħaż-Żabbar nhar il-11 ta’ Marzu 1923, ħadmet bħala għalliema qabel ma daħlet fil-politika.
Bdiet tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-politika mal-Partit Laburista fl-1946 dak iż-żmien immexxi minn Pawlu Boffa, u sena wara saret l-ewwel membru parlamentari mara fil-Parlament wara li kkontestat ghall-ewwel darba l-elezzjoni generali tal-1947 f’isem il-Partit Laburista.
Bejn l-1955 u l-1958 kif ukoll bejn l-1971 u l-1974 hija serviet bħala Ministru tal-Edukazzjoni fil-Gvern ta’ Dom Mintoff. Malli ngħatat din il-kariga fl-1955 hija għamlitha obbligatorja li t-tfal imorru l-iskola sakemm ikollhom 14-il sena u ħadet ħsieb il-bini jew it-tkabbir ta’ 44 skola fil-pajjiż. L-idea ta’ skola sa 14-il sena u mingħajr ħlas daħlet fis-seħħ fl-1955, ħames xhur biss wara li hija ngħatat ir-responsabbiltà tal-Edukazzjoni.
Kien taħtha wkoll li bdew jitqassmu kotba b’xejn u l-istudenti tal-kulleġġ bdew jingħataw dak li jissejjaħ pocket money waqt li nfetħu l-ewwel skejjel speċjali, fosthom għal dawk neqsin mid-dawl, is-smiegħ u oħrajn bi problemi mentali. Hi ddeċidiet ukoll li l-istudenti bniet kellhom id-dritt jitgħallmu suġġetti li qabel kienu meqjusin bħala tas-subien, bħax-xjenza.
Fl-1958 kienet ikkundannata għall-ħabs mill-qrati Maltin talli ħadet sehem fil-protesti kontra l-Ingliżi.
Fl-1971, għal darb’oħra bħala ministru responsabbli mill-edukazzjoni, fejn żiedet l-età obbligatorja ta’ l-istudju minn 14-il sena ghal 16-il sena. F’dan il-perjodu bdew jitwaqqfu l-iskejjel tas-snajja’ fosthom l-Iskola tal-Muzika u d-Drama u l-Felinberg; l-istitut għat-tagħlim tat-teknoloġija.
Bejn l-1974 u l-1981 kellha f’idejha l-kultura u l-qasam soċjali. Fil-qasam soċjali hija ħadmet biex in-nisa setgħu jibdew jingħataw paga daqs l-irġiel, biex jieħdu l-leave tal-maternità bi ħlas, biex dawk bla xogħol setgħu jieħdu l-benefiċċji soċjali, biex il-ġenituri setgħu jieħhdu c-children’s allowance u anke ħadmet fuq il-pensjoni taż-żewġ terzi. Fir-rigward tal-kultura kien taħtha li twaqqfu l-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, il-Mużew tal-Istorja Nazzjonali, il-Mużew tal-Arti u l-Mużew tal-Folklor.
Hija serviet ukoll bħala Aġent Prim Ministru f’diversi okkażjonijiet bejn l-1971 u l-1981.
Nhar is-16 ta’ Frar, 1982 inħatret bħala l-President tar-Repubblika biex kienet it-tielet president tal-pajjiż wara Sir Anthony Mamo u Anton Buttigieg.
Mietet fl-4 ta’ Frar, 2002 fl-età ta’ 78 sena.