16-il programm kulturali u kreattiv differenti qed jingħataw aktar minn erba’ mija u tletin elf ewro f’fondi bħala parti mill-iskema RESTART 2021, amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-ġnien tal-Argotti ntqal li l-ħolqien ta’ din l-iskema ġej mill-investiment speċjali ta’ miljun ewro addizzjonali mill-Gvern imħabbar tul l-aħħar budget.
Dan biex ikompli jissaħħaħ l-impenn tal-Gvern lejn irkupru sod tal-oqsma kulturali u kreattivi.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi qalet li l-artisti li applikaw ġejjn minn bosta setturi tal-arti differenti.
Hija fissret: “Fosthom hemm proġetti li jinvolvu l-mużika, jinvolvu t-teatru, produzzjonijiet awdjo-viżivi, tal-films u anke t-teatru tal-komunità. Interessanti ħafna li fost dawn il-proġetti jittrattaw temi bħas-Saħħa Mentali, bħall-Ambjent, bħat-Taħriġ u l-Iżvilupp.”
Id-Direttur tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall fakkar kif s-sena l-oħra kien tħabbar investiment ta’ iżjed minn tliet miljun ewro fis-settur kulturali li l-għan ewlieni tiegħu kien li l-artisti jirkupraw mill-effetti li ħalliet l-pandemija.
Fil-fatt dwar dan, il-Ministru għall-Arti, José Herrera aċċenna li l-Gvern qiegħed jiżgura li l-artisti u dawk involuti fis-setturi kulturali u kreattivi jirkupraw mill-isfidi li rriżultaw mill-pandemija b’mod sostenibbli u reżiljenti.
Dan apparti li bi skemi differeti qed jiġi ssalvagwardjat l-għajxien ta’ dawk li huma impjegati fis-setturi msemmija.
ll-Ministru Herrera stqarr: “Huwa importanti li aħna ninvestu b’mod dirett fihom sabiex l-ewwel nett nħeġġuhom ikomplu bil-missjoni tagħhom li jagħtu identità kulturali lil pajjiżna u din imbagħad toħloq dak li huwa msejjaħ ‘ripple effect’ għaliex jattira investiment dirett barrani bħat-turisti.”
L-artisti tal-grupp, ‘The New Victorians’, kienu fost id-disgħa u tletin applikazzjoni li daħlu biex igawdu mill-iskema t’għajnuna.
Huma u mgħarrfa li se jgawdu minn dan il-fond, The Victorians spjegaw kif dawn il-fondi se jkunu ta’ għajnuna kbira għalihom sabiex itellgħu kunċert.
Huma qalulna, “Naħseb ma kinitx sena faċli għall-artisti lokali jiġifieri l-għajnuna li ta l-Kunsill Malti għall-Arti vera hija apprezzata u naħseb tista’ ttina l-kuraġġ bħala gżira biex nkomplu noħolmu.”