Filming in Malta ħabbru li l-iffilmjar b’verżjoni moderna ta’ film klassiku tal-1973, “Papillon”, intemm il-ġimgħa l-oħra.
L-iffilmjar sar fit-tankijiet tal-ilma li jinsabu l-Kalkara u r-Rabat. Il-produtturi rringrazzjaw lil Kummissjoni tal-Films ta’ Malta tal-appoġġ estensiv li offrew waqt il-produzzjoni u tal-assistenza tagħhom bil-faċilitajiet speċjalizzati offruti. Huma rringrazzjaw ukoll l-ekwipaġġ Malti li ħadem waqt l-iffilmjar.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis qal li l-industrija tal-films tinsab fl-aqwa tagħha u li total ta’ 16-il produzzjoni internazzjoni inħadmu Malta fl-2016. F’Novembru biss kellna ħames produzzjonijiet għaddejjin. Dawn ħolqu bosta impjiegi u daħħlu miljuni fl-ekonomija ta’ Malta.
Il-film Papillon, b’direzzjoni ta’ Michael Noer u kitba ta’ Aaron Guzikowski, għandu lil Charlie Hunnam fl-irwol prinċipali tal-film u lill-attur Remi Malek, li għadu kif ħa fama internazzjoni bis-serje Mr. Robot, fl-irwol ta’ Louis Dega. L-istorja ingħatat il-ħajja għall-ewwel darba fis-swali taċ-ċinima fl-1973, bl-atturi Steve McQueen u Dustin Hoffman.
Papillon inħadem minn Red Granite Pictures.