- TIEĦU L-ĦAJJA INIZJATTIVA OĦRA TAL-BAĠIT FAVUR PERSUNI B’DIŻABILITÀ
16-il persuna bdew igawdu minn inizjattiva tal-baġit għal din is-sena maħsuba biex ikun hemm għajnuna personalizzata li tgħin lill-persuni b’diżabilità jħossuhom iktar inklużi fil-komunità u toffri wkoll spalla għall-membri tal-familja li jieħdu ħsieb lil dawn il-persuni.
Permezz ta’ din l-iskema persuna b’diżabilità jkollha l-għajnuna ta’ assistent personali skont il-ħtiġijiet tagħha. L-iskema hija msejsa fuq dik imħaddma mill-Independent Living Institute tal-Iżvezja, u hija miftuħa għal persuni ta’ kull età, bl-ispiża tas-servizz tinqasam bejn il-Gvern u dawk li jagħmlu użu mis-servizz.
B’investiment ta’ nofs miljun ewro, il-Gvern xtaq li fl-ewwelsena tal-iskema jibbenefikaw sa 30 persuna. Għalkemm sa issa huma 16 li qed jagħmlu użu minnha wara li applikaw u għaddew mill-proċess meħtieġ.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis iddeskriva din l-inizjattiva bħala ħolqa waħda minn kullana ta’ inizjattivi li qed jitħaddmu biex tingħata dinjità lill-persuni b’diżabilità. “Kif wieħed jista’ jinnota m’għamilniex proġett wieħed, iffokajna fuqu u daqshekk. Għandna bosta inizjattivi mifruxa u l-għan hu li nifhmu l-ħtiġijiet ta’ kull persuna. Għax kulħadd għandu l-bżonnijiet tiegħu u għalina n-nies mhumiex sempliċi numri. Fil-fatt hekk inkunu qed nassiguraw dinjità lil kulħadd,” qal Agius Decelis li tenna l-impenn tas-Segretarjat li jissokta b’iktar proġetti ta’ dan it-tip.
Għal din l-iskema jistgħu japplikaw persuni b’diżabilità ta’ kull età. Persuni li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema jridu jressqu t-talba tagħhom lill-Aġenzija fejn professjonisti, fosthom Social Workers, jevalwaw il-każ u jitħejja rapport li jgħaddi għand Bord intern, li jevalwa t-talbiet kollha u jistabbilixxi l-kriterji u l-ispejjeż każ b’każ.
Interessanti li l-Assistent Personali jista’ jkun membru tal-familja għalkemm dan ma jinkludix aħwa jew ġenituri peress li dak japplika għaliha il-Carer Benefit minflok.
L-Assistenza Personali tista’ tingħata fuq diversi livelli bħal: tindif u għajnuna fid-dar, tisjir, qadi, iġene personali, għajnunafit-tqassim tal-flus u għajnuna biex persuna timxi u tiċċaqlaq kif ukoll superviżjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ korriment.
Dawk interessati fis-servizz jistgħu jikkuntattjaw lill-Aġenzija Sapport fuq 2256 8000.