Matul din is-sena, 16-il pazjent wettqu b’suċċess, intervent kumpless tal-qalb imsejjaħ MitraClip.
50 pazjent ieħor għamlu intervent li fih bidlu l-akbar arterja tal-qalb.
Dawn huma biss żewġ interventi riċenti fost ħafna li bdew isiru fl-Isptar Mater Dei grazzi għall-investiment tal-Gvern u l-aħħar teknoloġija fis-suq.
Tkellem aktar dwar dan il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Konsulent Robert Xuereb.
Dr. Xuereb stqarr: “Dan huwa intervent speċjalizzat li huwa kumpless ħafna fejn aħna ninżlu min-naħa tal-lemin tal-qalb mmorru għan-naħa tax-xellug biex niklippjaw il-valves. Minnu dan l-intervent diġà bbenefikaw 16-il pazjent li kollha marru tajjeb. Dejjem inżidu fl-interventi tagħna bħal meta nbiddlu l-valve tal-aorta din is-sena probabbilment ħa jkunu saru mal-50 u ggwadanjaw 50 pazjent minn dan l-intervent.”
Lil Dr. Xuereb iltqajna miegħu waqt konferenza organizzata mis-Soċjetà Maltija tal-Kardjoloġija li saret bil-għan li l-professjonisti jżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi li jsiru biex bl-aħħar teknoloġija jfejqu lill-pazjenti b’mard tal-qalb.
Il-konferenza saret bis-sehem ta’ 19-il kelliem minn madwar id-dinja, fosthom mill-Ingilterra, mill-Ġermanja, mill-Italja, mill-Marokk, mill-Iżrael, miċ-Ċina u mill-Ġappun.
Dan flimkien ma’ 12-il delegat mis-Soċjeta tal-Kardjoloġija tal-Lebanon.
Dr. Robert Xuereb, li huwa wkoll il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Kardjoloġija, qal li pajjiżna jinsab fil-quċċata ta’ dak li qed jiġri fuq livell internazzjonali fil-kardjoloġija.
Innota kif il-proċeduri li qed isiru f’Mater Dei, qed jiffaċilitaw il-ħajja ta’ ħafna pazjenti li qabel kien ikollhom isiefru għall-kura.
“Fejn qabel kien ikollna nsiefru l-pazjenti tagħna lejn l-Ingilterra b’air ambulance biex inwassluhom ħajjin sa Londra, illum qed nagħmlu dawn l-interventi fl-isptar tagħna f’Mater Dei”, spjega Dr. Xuereb.
L-informazzjoni li tgħallmu minnha l-professjonisti waqt il-konferenza – li għaliha attenda wkoll il-President ta’ Malta George Vella – se tinfirex fost il-pubbliku l-Ħadd, fejn se jsiru bosta attivitajiet t’għarfien fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.