Mill-kwestjonarju ta’ pre-kwalifikazzjoni għall-impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart daħlu sittax-il offerta differenti.
Dan ħabbritu l-WasteServ li spjegat li fost dawk li tefgħu l-offerta hemm kumpaniji kbar li jiddominaw is-settur fuq livell globali.
Fi stqarrija l-Wasteserv spjegat li issa kull offerta ser tiġi evalwata b’mod metikoluż u l-aħjar tliet kumpaniji jew konsorzji ser jiġu magħżula sabiex jidħlu għall-fażi li jmiss.
Dawk is-sittax li ressqu l-offera ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tagħhom, l-esperjenza, kif ukoll il-kompetenza biex jitlesta dan il-kuntratt li ser javviċina l-€390 miljun.
Il-kuntratt jinkludi d-disinn u l-kostruzzjoni tal-faċilità, liema xogħol hu stmat li ha jkun jiswa bejn €160 u €190 miljun, kif ukoll l-ikkummissjonar u l-operazzjoni tiegħu għal perjodu ta’ 20 sena b’investiment finanzjarju ieħor ta’ madwar €200 miljun.
L-impjant huwa mistenni li jibda jopera lejn tmiem l-2023.
L-art li se tkun qed tintuża biex isir dan l-investiment se tkun qed titnaqqas b’mod drastiku wara li l-Gvern sema t-tħassib tal-familji li jgħixu jew li għandhom art agrikola fl-inħawi tal-Magħtab u b’hekk se jkun inqas minn terz tal-medda ta’ art li se tintuża mill-proġett propost oriġinarjament.
Filfatt, dan il-proġett ser isir fuq medda ta’ 82,000 metru kwadru ta’ art, u mhux 279,000 metru kwadru.
Bl-investiment tal-impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart, pajjiżna se jkun mexa pass ieħor fejn se jintlaħaq livell ġdid fis-settur ambjentali.
Dan hekk kif permezz ta’ dan l-impjant, l-iskart kollu li jidħol għand il-WasteServ ser jiġi użat sal-potenzjal massimu tiegħu.
Minbarra dan l-impjant, hemm impjanti oħra li ser ikunu ta’ benefiċċju għall-pajjiż, bħall-impjant ta’ trattament tal-iskart organiku li ser ikun qed jipproduċi compost agrikolu, kif ukoll impjant b’faċilità tal-irkupru ta’ materjal riċiklabbli.
Il-Kap Eżekuttiv, Richard Bilocca spjega kif dan l-interess huwa xhieda ta’ pjan robust li ser iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali.