F’għeluq is-sentejn minn meta nħasdet il-ħajja ta’ Bernice Cassar, ġew imnedija sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu b’kuxjenza kontra l-vjolenza domestika bit-tema ‘Nieqfu flimkien, flimkien infiequ’.

Mill-Ġimgħa 25 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru li ġejjin, se jkunu qed isiru diversi attivitajiet fil-komunità li se jinkludu sketches qosra għal aktar għarfien dwar is-suġġett u kif għandhom jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawn. Dawn l-attivitajiet, magħrufin aħjar bħala roadshows se jsiru f’ħames lokalitajiet differenti fosthom Ir-Rabat, San Pawl il-Baħar, iċ-Ċittadella, il-Fgura u l-Gżira.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan sostniet li issa beda xogħol fuq iktar minn sittin fil-mija tax-xogħol mill-Istrateġija Nazzjonali ta’ ħames snin dwar il-vjolenza domestika li tiġi fi tmiemha fl-2028.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttieg u mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.
