M’hemmx skużi għall-abbużi, din hija t-tema magħżula għal din is-sena bħala parti mill-kampanja ta’ attivitajiet ta’ sittax-il jum li fihom se jkompli jitqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika.
Dan hekk kif Malta qed terġa’ tingħaqad man-Nazzjonijiet Magħquda fi sforz internazzjonali biex tiġi indirizzata din il-pjaga soċjali li tippersisti f’diversi modi u forom.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Edward Zammit Lewis, spjega dwar il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni soċjali biex tiġi indirizzata l-vjolenza domestika mill-għeruq. Huwa spjega: “16-il jum ta’ attiviżmu għal vjolenza domestika turi l-committment bla dubju tal-Gvern li jieħu l-ugwaljanza, mhux biss jitkellem fuqha però jeħodha bis-serjetà u jagħmel miżuri biex mhux biss inbiddlu l-liġijiet però ngħaddu minn transformazzjoni soċjali fejn nistgħu ngħidu li aħna għandna tolleranza zero għal dak li huwa l-vjolenza domestika.”
Il-Ministru Zammit Lewis semma kif l-indipendenza finanzjarja tgħin fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Huwa elenka xi miżuri li ħa l-Gvern, bħas-servizz taċ-childcare b’xejn, li wasslu biex ikun hemm żieda ta’ tletin elf mara fis-suq tax-xogħol.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Simone Azzopardi saħqet li hemm diversi forom ta’ vjolenza domestika fosthom dik psikoloġika, verbali, fuq l-anzjani, bejn l-aħwa, jew lejn il-ġenituri.
Azzopardi sostniet li “Il-vjolenza domestika tinbet minn nuqqas ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u anki kif inrabbu aħna l-bniet u s-subien tagħna, ħafna drabi jirifletti kif dawn meta jikbru u ħa jkunu rġiel u nisa fil-households tagħhom.”
Simone Azzopardi spjegat il-kampanja li mistennija tolqot fil-laħam il-ħaj dwar il-vjolenza domestika.
“L-ispot qed turi xenarju li kulħadd jista’ jidentifika ruħu miegħu. Però żewġ modi ta’ kif partner tista’ tkellem lill-partner l-ieħor u naraw kemm min ikun qed jisma’, li f’dak il-każ huma t-tfal, se jieħu dik bħala eżempju li ħa jieħu tul ħajtu kif hu ħa jireaġixxi fl-istess sitwazzjonijiet”, tenniet Azzopardi.
Intant bħalissa qed isir taħriġ għall-persuni li jaħdmu jew huma viċin vittmi tal-vjolenza domestika biex ikunu jistgħu jgħinu bl-aħjar mod lill-vittmi li jkunu tassew vulnerabbli.