Sittax-il għaqda volontarja li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali ngħataw bejniethom is-somma ta’ €116,487 bil-għan li jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Għal sena oħra d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali reġa’ nieda din l-iskema finanzjarja sabiex jgħin lil dawk in-nies li jieħdu ħsieb annimali li jkunu abbandunati f’diversi organizzazzjonijiet u santwarji.
Il-Ministru Anton Refalo saħaq li b’dawn il-fondi l-gvern qed ikompli jservi ta’ spalla għal dawn l-għaqdiet. Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li dan il-gvern qed jaħdem bla waqfien biex jassigura djalogu kontinwu bejn l-aġenziji kollha involuti, l-għaqdiet nongovernattivi differenti, kif ukoll il-poplu ġenerali.