16-il persuna oħra fiequ mill-Coronavirus, biex in-numru ta’ persuni mfejqa f’Malta tela’ għal 367.
It-total ta’ każijiet attivi bħalissa huwa dak ta’ 96.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar 24 siegħa, nstabu zewġ kazijiet ġodda ta’ Covid-19 minn madwar 1,200 test.
Il-każijiet il-ġodda jinvolvu persuna minn Għawdex u persuna miċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far.
Dan ifisser li mill-bidu tal-pandemija f’pajjiżna sal-lum, b’kollox ġew infettati 467 persuna.
Dawn l-iżviluppi komplew iżommu r-rata ta’ riproduzzjoni tal-virus bejn persuna u oħra f’pajjiżna f’livell kostanti.
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar li mit-Tnejn li ġej, iċ-ċentri tas-saħħa kollha se jerġgħu jibdew jagħtu t-tilqim lit-tfal.
Se jibda wkoll mill-ġdid it-testijiet ta’ skrining għall-kanċer tal-għonq tal-utru. Fil-ġimgħat li ġejjin se jerġa’ jibda wkoll l-iskrining tal-kanċer tas-sider u tal-musrana l-kbira.
Dan filwaqt li fl-Isptar Mater Dei se jerġgħu jibdew jingħataw diversi servizzi u appuntamenti.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Ħa nerġgħu nżidu l-appuntamenti għal MRI’s, CT Scans u ultrasounds b’hekk inkomplu nagħtu investigazzjonijiet lill-pazjenti tagħna sabiex insibu problemi meta jkunu għadhom kmieni. Min-naħa tal-kardjoloġija se jibda b’mod limitat is-servizz tal-echocardiograms.”
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li l-miżuri li ttieħdu ħadu ħsieb is-saħħa pubblika iżda ħarsu wkoll saħħet in-nies.
Dan filwaqt li saret ħidma li tassigura li s-servizz tas-saħħa jkun jista’ jiflaħ jekk il-każijiet jibqgħu jiżdiedu.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret: “Nappella biex nimxu mal-istruzzjonijiet ħalli dak kollu li ħdimna għalih b’sagrifiċċju kbir, ejja ma nitilfux dak li ksibna u nimxu pass b’pass kawtel.”