Il-Grand Harbour Marina fil-Birgu tibqa’ waħda mill-iżjed popolari fil-Mediterran, speċjalment għas-superyachts għax toffri l-akbar spazju għall-irmiġġ. Fil-fatt, fl-2015 biss, din il-Marina laqgħet 159 superyacht, żieda ta’ ħames jottijiet meta mqabbel mal-2014.
Fi kliem iċ-Ċermen ta’ Grand Harbour Marina, Lawrence Zammit, qal li bis-swar tal-Forti Sant’Anġlu u l-belt kapitali fl-isfond ta’ din il-marina jagħmluha waħda mill-iżjed spettakolari fir-reġjun. Dawn il-fatturi naturali jikkumplimentaw is-servizzi li toffri l-istess infrastruttura.
Dan huwa rifless f’intervista li ta dan l-aħħar Jak Deakin, Uffiċjal ta’ M/Y Fusion, superyacht li beda jidħol f’Malta dan l-aħħar.
Fuq is-sit crewport.com, ippubblikata minn The Superyaht Group dwar l-iżjed portijiet u marinas imfittxija, Deakin għamel referenza għal dik tal-Birgu bħala l-iżjed marina favorita tiegħu.
“L-ewwel impressjoni tiegħi dwar il-marina u l-Belt Valletta kienu pożittivi ħafna. Bqajt impressjonat bil-Forti Sant’Anġlu u bil-Belt Valletta, u l-istorja rikka u l-kultura kbira li hawn. Hekk kif dħalna, il-ħaddiema tal-marina u n-nies tal-lokal, laqgħuna tajjeb ħafna,” saħaq l-Uffiċjal ta’ M/Y Fusion.