Mill-bieraħ, 159 infermiera li fil-parti l-kbira tagħhom għadhom kemm temmew b’suċċess l-istudji tagħhom, bdew il-karriera f’din il-professjoni.
Minn dawn il-159, se jkun hemm 128 infermiera li se jkunu qegħdin jingħaqdu mas-servizzi tas-saħħa, filwaqt li 31 infermier ieħor se jkunu ingaġġati fil-qasam tal-kura tal-anzjani.
L-investiment fis-settur uman huwa l-aqwa investiment fil-qasam tas-saħħa. Is-servizzi ġodda offruti, l-operazzjonijiet aktar li jsiru, il-kliniċi speċjalizzati li kulma jmorru jinfetħu ma jistgħux joperaw mingħajr nies professjonisti f’dan is-settur.
“Hija ta’ sodisfazzjoni li nara numru sabiħ ta’ tant żgħażagħ li għażlu l-professjoni tal-infermiera. Professjoni li titlob dedikazzjoni kbira, iżda li lura tagħti ħafna sodisfazzjon,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Aktar tard din is-sena mistennija jiddaħħlu aktar infermiera fosthom 20 student li qegħdin jistennew li jagħmlu r-resits.
“Fl-aħħar snin in-numru ta’ infermiera fid-Dipartimenti tas-Saħħa żdied b’mod konsiderevoli fil-fatt mill-2013 lil hawn ġew ingaġġati total ta’ 1,157 infermiera. Dan qiegħed itaffi n-nuqqas ta’ infermiera li kien hawn matul is-snin,” żied id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.